Lokali

Kastilja għadha mgħarrqa fil-kriminalità – PN

Matul is-smigħ tal-kawża kriminali inkonnessjoni mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia fuq talba tal-avukat Jason Azzopardi li qed jaġixxi bħala parte civile, wara x-xiehda li nstemgħet illum dwar dak li seħħ fix-xhur ta’ qabel l-arrest ta’ Melvin Theuma fl-2019, il-Maġistrat Rachel Montebello ordnat li l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar jitqiegħed formalment taħt investigazzjoni kriminali għall-ksur tal-kodiċi kriminali.

Il-Prim Ministru Robert Abela ħatar lil Lawrence Cutajar konsulent tal-Gvern ftit sigħat wara li l-istess Lawrence Cutajar kellu jirriżenja minn Kummissarju tal-Pulizija. Sal-lum Lawrence Cutajar għadu konsulent tal-Prim Ministru u dan għaliex Robert Abela għażel li ma jkeċċieħx. Il-Gvern Laburista flok jiġġieled il-korruzzjoni għadu qed jiddefendi u jipproteġi lil min żbalja.

Il-PN fi stqarrija fakkar li r-rabtiet bejn il-Gvern Laburista, l-ogħla uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija u elementi kriminali tal-pajjiż huma ta’ theddida serja għal pajjiżna. Il-Gvern Laburista quddiem dan kollu għażel is-silenzju, għażel li ma jieħu l-ebda azzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li l-Prim Ministru għandu minnufih ikeċċi lil Lawrence Cutajar minn konsulent tal-Gvern. Robert Abela għandu wkoll ikeċċi lil Chris Cardona minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Fil-Kabinett Laburista hemm Ministri li ripetutament iddefendew lil Lawrence Cutajar. Dawn ukoll iridu jirrispondu għal għemilhom.