Lokali Qorti

L-Air Malta msemmija fil-“Hall of Shame”

Il-linja Nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, ġiet minn ta’ quddiem f’unur li ħadd ma jrid, dan hekk kif il-European Cockpit Association poġġiet lill-Air Malta fil-Hall of Shame .

L-Air Malta ġiet deskritta bħala l-linja tal-ajru li ħadet vantaġġ mill-imxija tal-Coronavirus biex tkeċċi l-bdoti tagħha, u għalhekk ingħatat il-premju mill-European Cockpit Association fil-lista ta’ stmerrija li ppubblikat fuq is-sit tagħha.

L-Assoċjazzjoni Ewropea iddeskriviet kif l-Air Malta offriet kumpens ta’ €1,200 fix-xahar lill-bdoti. Madanakollu f’Ġunju d-diskussjoni sfaxxat fix-xejn, bl-Air Malta tkeċċi 69 pilota. Uħud minnhom kienu ilhom jaħdmu mal-linja nazzjonali tal-ajru għal aktar minn 20 sena.

Intant, it-Tnejn waranofsinhar bdiet tinstema’ l-kawża fil-Qorti li l-Assoċjazzjoni tal-Bdoti, l-ALPA, fetħet kontra l-Air Malta.

Permezz ta’ kawza fil-Qorti, l-ALPA talbet biex qabel jitkompla r-rikors tkun rat dak li qalet l-Air Malta; xi ħaġa li l-imħallef Toni Abela talab li ssir u infatti aktar tard matul il-jum kellu jgħaddi d-dokumenti mitluba.

Min-naħa tagħha l-ALPA talbet ukoll li tingħata l-ħin biex tkun tista’ tara u tevalwa dak li ntqal. Għalhekk il-Qorti ddeċidiet li r-rikors ikun diferit għall-Ġimgħa li ġej fil-11.30am, fejn iż-żewġ naħat għandhom itellgħu x-xhieda tagħhom.

X’ġara qabel:

L-Air Malta tkeċċi 69 bdot – L-ALPA tikseb inġunzjoni ta’ projbizzjoni biex twaqqaf it-tkeċċijiet tal-bdoti

Fl-ewwel reazzjoni tagħha wara l-aħbar li l-Air Malta se tkeċċi 69 bdot, l-Assoċjazzjoni tal-Bdoti, l-ALPA ddeskriviet bħala indundati l-allegazzjonijiet li għamlet l-Air Malta.

L-ALPA kienet qalet dan b’referenza għall-istqarrija tal-linja Nazzjonali li kienet tgħid li d-diskssjoniijet bejn iż-żewġ partijiet dwar il-futur tal-bdoti kienu fallew minħabba nuqqas ta’ koperazzjoni minn naħa tal-Assoċjazzjoni. Xi ħaġa li l-linja tal-ajru qalet li ma ħallitilhiex għażla ħlief li tkeċċi 69 bdot.

L-ALPA qalet li din id-deċiżjoni waslet bħala sorpriża, aktar u aktar għax kienet ħasbet li kien qed isir progress fil-laqgħat li kienu qed isiru b’mod regolari bejn il-bdoti u l-Air Malta.

X’ġara x-xahar li għadda:

Azzjoni li ttieħdet fil-qorti mill-Assoċjazzjoni tal-bdoti (ALPA) ġiegħlet lill-Air Malta twaqqaf il-pjan tagħha biex tkeċċi ħafna mill-bdoti tagħha, fl-aħħar żviluppi waqt battalja li issa ilha għaddejja għal ġimgħat sħaħ bejn il-linja nazzjonali tal-ajru u l-bdoti tagħha.

Il-kumpanija kienet tat 30 ġurnata lill-bdoti u lill-cabin crew biex jaslu għal ftehim mal-Air Malta qabel jibdew is-sensji. Dan kollu filwaqt li l-Gvern baqa’ dejjem jaħrab milli jiltaqa’ mal-ħaddiema li għal tant snin taw servizz lill-linja nazzjonali.