L-Eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar tpoġġa taħt investigazzjoni kriminali. Dan wara r-rivelazzjonijiet li ħarġu llum fil-Qorti dwar l-allegat involviment tiegħu fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Cutajar kien diġà ġie sospiż minn konsulent tal-Ministru Byron Camilleri.
L-Avukat Jason Azzopardi għamel it-talba fi tmiem seduta sensazzjonali li damet disa’ sigħat kontra Yorgen Fenech b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
It-tim legali ta’ Yorgen Fenech qal li huma jaqblu mat-talba ta’ Jason Azzopardi. L-Ispettur Keith Arnaud qal li diġà saret investigazzjoni dwar allegati leaks li ħarġu mill-investigazzjoni.
Iżda jidher li mhux qed isir l-istess kejl ma’ kulħadd. Dan għaliex id-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona għadu qed iżomm postu fi ħdan il-Partit Laburista. Isem Cardona feġġ diversi drabi waqt ix-xhieda tal-kumpilazzjoni tal-evidenza marbuta mal-każ tal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia – allegazzjonijiet li qed jitqiesu bħala xokkanti, b’Cardona jiċħadhom kategorikament u jgħid li qed isir frame-up fuqu.
Malli ħarġet din l-aħbar, il-Kap tal-PN Adrian Delia fakkar li sal-lum…Lawrence Cutajar għadu konsulent ta’ Robert Abela, għax ma keċċihx.
Adrian Delia stqarr li b’dawn l-iskandli, il-PL fil-Gvern qed jibqa’ jkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Hu insista li dan kollu juri li l-PM hu biss ostaġġ tan-nies li għadhom bil-poter f’idejhom.
//= $special ?>