Qorti

Keith Schembri, Yorgen Fenech, Chris Cardona, David Gatt u s-somma ta’ €400,000 jissemmew b’rabta mal-każ tal-qtil ta’ Daphne

Ritratt: Melvin Theuma flimkien ma' Keith Schembri f'Kastilja.

Melvin Theuma kien qal lil Johann Cremona, li huwa partner fin-negozju ma’ Yorgen Fenech li Yorgen u Keith Schembri kienu qabduh biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia.

Semmielu wkoll lil Chris Cardona u l-Avukat fl-uffiċċju tiegħu David Gatt u kien hemm somma ta’ €400,000 li kienet se tintuża’ għall-ġuri tal-aħwa Degiorgio, li flimkien ma’ Vincent Muscat huma akkużati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Melvin Theuma kien qallu wkoll li Chris Cardona li ssemma kien lest li joqtolhom jekk iżeffnu lilu fin-nofs. Melvin Theuma l-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien qal ukoll lil Johann Cremona li Yorgen Fenech u Keith Schembri kienu ttradewh.

Wara li sar xi diskors fuq Yorgen Fenech u Keith Schembri, ftit tal-jiem wara Melvin Theuma kien implika żewġ persuna oħra fil-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia, Chris Cardona u lill-avukat David Gatt, anke jekk skont Theuma kienu Yorgen u Keith Schembri l-aktar li kienu jissemmew.

Wara li sar xi diskors fuq Yorgen Fenech u Keith Schembri, ftit tal-jiem wara Melvin Theuma kien implika żewġ persuna oħra fil-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia, Chris Cardona u lill-avukat David Gatt, anke jekk skont Theuma kienu Yorgen u Keith Schembri l-aktar li kienu jissemmew.

Madankollu ix-xhud qal li Theuma qallu li Chris Cardona kellu jlesti €400,000 għall-ġuri wara li din tinqatel. Ix-xhud qal li Melvin Theuma kien imur għandu u jċempillu diversi drabi għax deher beżgħan ħafna u sa anke kemm il-darba qallu li kien se jmur jaqbeż jew li se jispara għal rasu.

Cremona qal ukoll li darba hu wera ritratt lil Theuma tal-Biglee , li kien canvassar ta’ Chris Cardona u li Theuma qallu li dan serva’ bħala l-middleman bejn politikant u l-aħwa Degiorgio.  Cremona qal li dan ir-ritratt irċeivih mingħand Yorgen Fenech u li ma jiftakarx meta rċieva r-ritratt.

Cremona kkonferma li rċieva r-ritratt permezz tal-app Signal u kkonferma li dan seħħ is-sena li għaddiet. Johann Cremona sostna fix-xhieda tiegħu li hu qatt ma emmen dak li kien jgħidlu Theuma għax hu kien ilu jaħdem ma’ Fenech żmien twil u ma setax jemmen li seta’ jasal għal xi ħaġa bħal din.

Melvin kien jilmenta li għandu bżonn il-flus, u kien jippretendihom mingħand Yorgen Fenech. Kien jgħid lil Cremona li qatt ma kien kellem lil Keith Schembri, imma li kien involut ma’ Yorgen Fenech u li hu kien se jmur jikxifhom mal-Pulizija.

Cremona qal li Thuema qallu wkoll li huwa jikkommunika mal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar fuq l-akkużi tiegħu li kellu każ ta’ money laundering, dan kien jitkellem miegħu għall-ħabta ta’ Lulju wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u qallu li l-eks Kummissarju kien jaf fuq ir-recordings li huwa kien għamel u li dawn għaddew għand il-Europol.

Theuma kien qallu li r-recordings li nstemgħu fil-Qorti kien semgħahom Lawrence Cutajar. Cremona tenna li minn Ġunju tal-2018 hu qatt ma tkellem ma’ Yorgen Fenech minkejja li kienu business partners.

Johann Cremona qal li Melvin Theuma kien ikissiru mobile, iċempillu u jiffittah il-ħin kollu. Beda jibża’ fuq dak kollu li kien qed jiġri, lanqas kien jorqod bil-lejl, kien jagħmel sagħtejn kuljum miegħu u sa anke baqa’ jiġri warajh anke meta kien qed jipprova jevitah.

Cremona li anke meta kien qed imut missieru, Melvin ma qatax milli jkompli jiffittah. Kien iffissa u mistoqsi għaliex ma kienx jgħidlu biex iħallih bi kwietu, qal li huwa mhux dak it-tip ta’ bniedem.

Cremona qal ukoll li Theuma kien jibgħatlu l-messaġġi tard filgħaxija u jibqa’ jibgħat sakemm Cremona kien iwieġbu. Qal li mhux veru dak li Theuma kien xehed fil-qorti li hu (Cremona) kien informah li se jsir rejd fuqu fis-16 ta’ Novembru. Mitlub biex jispeċifka, qal…

“Hu (Theuma) kien jippressani wisq, ġennini biex nikkuntattja lil Kenneth u mbagħad meta għidtlu li t-tinda tal-patata fil-Marsa kienet se tgħaddi minn rejd. Din kont ivvintajtha jiena, ma kontx naf jekk il-pulizija kinux se jagħmlu rejd,” qal Cremona.

Il-Qorti staqsietu għaliex kien joqgħod jivvinta, u hu qal li lanqas hu stess ma kien jaf u li ħass li kellu jagħmel hekk. Ix-xhud qal ukoll li hu qatt ma tkellem dwar dan kollu ma’ xi ħadd ħlief darba ma’ qassis. Cremona qal li l-qassis staqsieh jekk hu kienx involut fl-assassinju. Cremona wieġeb jgħid le u l-qassis qallu li allura ma kellux għalfejn jinkwieta.

Il-Maġistrat Montebello staqsiet lil Cremona biex jikkjarifika jekk hu kienx tkellem ma’ Yorgen Fenech għax aktar kmieni kien qal li hu u Fenech qatt m tkellmu dwar l-assassinju. Filwaqt li huwa kkonferma dan, qal li huwa kien ukoll ġieli jgħid kontra Yorgen ma’ Melvin u dan kien jagħmlu, għax hemm Theuma kien isib is-solljev.

Theuma qal ix-xhud kien iffissat li jrid jirċievi nformazzjoni mingħand Keith Schembri, Cremona. Skont hu kien anke mar darbtejn Kastilja u jistenna barra. Kien talab lix-xhud in-numru ta’ Kenneth Camilleri, li iżda huwa qatt ma tah.

Ix-xhud qal li darba Melvin qallu li kien se jikkuntattja liz-ziju ta’ Yorgen Fenech, lil Ray Fenech, u dan biex jitolbu l-flus għall-aħwa Degorgio, minħabba li dawn dejjem kienu jippressawh għal flus. Cremona qal li meta sema’ dan id-diskors, huwa qallu – ‘mela qed tiġġennen’.

Melvin qallu wkoll li ried jieħu lil Mario Degiorgio fid-dar ta’ Keith Schembri, bi Cremona jgħid li ma jafx jekk dan għamlux u ma jafx x’kienet ir-raġuni kollha dwar dan.

Ix-xhud qal li huwa ma kienx jikkommunika dan kollu mal-partner fin-negozju miegħu Yorgen Fenech, anke jekk f’ħin minnhom huwa qal li ġieli kien bagħtlu xi messaġġi fuq is-suġġett.

Dwar li qal Melvin Thuema li Kenneth Camilleri kien se jirranġalu għall-bail, Johann Cremona qal li meta staqsa lil Camilleri dwar dan, qallu li ma wegħdu xejn, imma biss li kien se jipprova jgħinu.

Il-Prosekuzzjoni riedet issemma xi recordings li nstemgħu f’seduta oħra ta’ Melvin Theuma u li kienu nstemgħu bil-magħluq. F’dan il-punt il-ġurnalisti ntalbu joħorġu barra mill-awla biex il-każ ikompli jinstema’ bil-bibien magħluqa.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello Cremona, Direttur ta’ kumpanija tal-Gaming xehed fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità jew li kien l-awtur biex tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Meta reġgħet infetħet l-awla għall-ġurnalisti saru domandi tal-Avukat Jason Azzopardi Johann Cremona qal li huwa ġie mitkellem mill-Pulizija tliet darbiet, biss biex jgħin fl-investgazzjoni għax qatt ma kien bniedem li qed jiġi suspettat. Qal li darba ġie mitkellem fil-preżenza tal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar. Dan seħħ f’Novembru tal-2018.

Melvin Theuma kien iżur spiss id-dar ta’ Mario Degiorgio, u dan kien qallu li Chris Cardona u David Gatt kienu ppreparati li joħorġu s-somma ta’ €400,000 sakemm isir il-ġuri tal-aħwa Degiorgio. 

Cremona qal li Theuma kien qallu diversi drabi li l-aħwa Degiorgio dejjem talbu l-bail u li kien lest li jieħu lil Mario Degiorgio għand Keith Schembri fid-dar tiegħu ġewwa Mellieħa. 

l-Avukat Azzopardi staqsa lil Cremona biex jikkonferma jekk Theuma kienx qallu li l-eks Kummissarju tal-Pulizija kienx sema’ r-rekordings tal-konverżazzjonijiet bejn Theuma u Fenech u hawn Cremona wieġeb fl-affermattiv.

Ix-xhud qal li ma kienx jaf li Theuma kien qed jirrekordjah u ma kellux raġuni għaliex jagħmel dan. Cremona qal ukoll li kien irċieva telefonata mingħand Keith Schembri f’Settembru tal-2019 u li din kienet l-ewwel darba li kellu u Schembri qallu li kien inkwetat dwar Yorgen Fenech.

Ix-xhud qal ukoll li Melvin Theuma qallu li Vince Muscat l-Koħħu kien qed jagħti l-informazzjoni dwar l-assassinju lill-pulizija u kien inkwetat ħafna fuq dan.

Cremona qal li qatt ma seta’ jifhem għaliex Theuma kien ikun irid bħal qisu jieħu xi informazzjoni mingħandu. Qal li jista’ jifhem li beda jagħmel hekk biex jinvolvi lilu wkoll.

Wara li ntemmet ix-xhieda ta’ Johann Cremona ġie mgħajjat biex jixhed Edgar Brincat magħruf bħala “Il-Ġojja”. Dan kien xhud tal-Prosekuzzjoni li qalet li kienet infurmata mill-Avukat Matthew Brincat, f’isem Edwin Brincat, li l-klijent tiegħu ma setax ikun preżenti wara s-2.30pm.

Il-Maġistrat Montebello ordnat li ladarba Edwin Brincat telaq mill-Qorti mingħajr permess għandu jinħareġ mandat t’arrest fil-konfront tiegħu u jinġeb jixhed fil-Qorti.

Il-Qorti qalet li Brincat kien barra l-awla aktar kmieni llum imma telaq u b’hekk mhux se jkun jista’ jixhed illum. Il-Qorti qalet li kienet se tistenna sakemm Edwin Brincat ikun arrestat u jitressaq biex jixhed illum stess. Ftit aktar minn siegħa wara Brincat tfaċċa l-Qorti bil-Maġistrat ukoll tinfurmah li jekk ikun hemm stanza li jista’ jinkrimina ruħu, ma jweġibx il-mistoqsija patikolari.

Mistoqsi x’jagħmel qal li huwa auto dealer u jaf lil Melvin Theuma peress li kien bookmaker bħalu u kienu dejjem ħbieb u kienu jgħinu lil xulxin il-Marsa. Tenna li ilu jafu madwar 30 sena.

Dwar il-qtil qal li darba kien mar ħdejh Melvin Theuma u dan qallu “taqbadx tgħajjat għax jien imdaħħal fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia u dan kien wara l-qtil. Kien mar għandu d-dar u li kellu xi recordings.

Id-diskors kien bdieh billi qallu li ried jitlaq malajr ma jdumx għax il-Koħħu kien se jikxef kollox. Beda jgħidlu li jrid il-maħfra, għax il-Koħħu se jeħodha. Kien eċitat u beda jibża’, kien iddisprat. U Brincat qallu biex jagħti ftit ċans.

Kien qallu li Yorgen Fenech kien qallu li Vince Muscat kien se jitkellem. Kompla jgħid li tagħtu rasu u li hu (Brincat) ma kienx jaf dwar dan kollu. Ix-xhud qal li skanta għax meta kien isemmi lil Yorgen Fenech dejjem kien jitkellem fuq il-ħbiberija li kellhom u li saħansitra kienu jsiefru flimkien.

Kien semmielu lil wieħed jisma’ Degorgio biex isir dak li għandu jsir. Brincat qal li peress li Yorgen Fenech għandu ħafna kuntatti peress li jafhom sew lil xi membri tal-familja tiegħu fosthom lil zijuh.

Għidtlu “se tidħol fi sqaq u ħallik mill-maħfra” irrispondih billi qallu li kellu r-recordings tiegħu ma’ Yorgen u hu qallu li mhux sew kien qed jagħmel hekk, u tah parir biex imur u jgħid lil Yorgen bir-recordings, u għidtlu li jista’ jirranġalu xi ħaġa. Tant kien imfixkel li beda jaħseb ukoll biex imur għand l-Arċisqof.

Ix-xhud qal li mhux darba mar għandu, u kien jgħidlu le għadu ma nqala’ xejn ma jmur xejn. Għax ma kienx jaħseb li kien se jieħu xi maħfra. Wara sar jaf li Melvin kien ta xi flus li kien tah Yorgen lil Degorgio. Kien qallu wkoll li ħu l-aħwa Degiorgio ukoll talabhom il-flus.

Brincat qal li Melvin jgħidlu li hu ma kien qed jieħu xejn minn dawn il-flus, anzi joħroġ minn butu kien. Darba ħareġ flus għal xi tromba u darba għal xi kelb.

Ix-xhud qal li Melvin Theuma kien qallu li kien diġa deċiż mill-Gvern li kienu se jagħtu l-maħfra lill-Koħħu. Qal li kien qallu biex juri lil Yorgen li għandu t-tapes u li Melvin kien qallu li kien tahomlu.

Kien qallu li jagħti l-flus lil ħu l-aħwa Degiorgio u dawn għall-avukati jew għall-pleġġ. Kien jagħtihom il-flus mill-but għax kien qed jibża’ li se jikxfuh fuq il-qtil. “Mhux sew li kull darba li jitolbuk il-flus tmur taqbad u tagħtihom, ma tistax tibqa’ sejjer hekk, trid tiefqilhom”

Brincat qal li darba minnhom Melvin kien qallu li ma setax jaqbad lil Yorgen Fenech u mar ifittex lil Keith Schembri għax baqa’ jibża’. Lil Keith ried jgħidlu li ma setax jagħmel kuntatt ma’ Yorgen, lanqas bit-telefon.

Fuq ir-recordings li għadda lil Yorgen Fenech, Melvin qallu li tahomlu ġewwa Portomaso. Minn dak inhar il-quddiem, kien baqa’ jmur ikellmu u jgħidlu, “rajthom il-gażżetti?” għax ma jifhimx bl-Ingliż, u dan meta kien ikun hemm xi artiklu fuq Daphne.

“Ġieli bkejt jien miegħu, għax kien vera ħażin, dejjem nafu bħala persuna ferrieħi fi 30 sena li kien ilu jafu, u dejjem għeni meta kelli bżonn,” qal ix-xhud.

Brincat qal fil-Qorti li Theuma kien inkwetat li Fenech kien ħarab mill-pajjiż u li Theuma ma riedx assistenza legali għax kien jibża’ mill-politika. Theuma kien semma lil Simon Busuttil, Jason Azzopardi u Karol Aquilina bħala avukati li setgħu jgħinuh.

Dejjem kien qed isemmi kif Keith Schembri kien qed jgħin lil Yorgen Fenech. “Aktar kemm semma li Schembri kien qed jgħin lil Fenech, aktar kont konvint li ma kienx se jingħata l-maħfra presidenzjali,” qal Edwin Brincat.

Skont ix-xhud, Theuma qallu li kien fl-interess ta’ Fenech u Schembri li jeliminawh. Għax jekk ikun eliminat, ma kien ikun hemm l-ebda konnessjoni bejn Fenech u l-aħwa Degiorgio u l-Koħħu.

Brincat ikkonferma li kien żar lill-eks kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar f’Ħal Luqa biex jagħmel xi ħaġa dwar multa.”Jien ilni naf lil Lawrence Cutajar għal snin twal, xi 30 sena, sirt nafu meta x-xhud kellu ristorant Birżebbuġa. Kienu jitkellmu fuq football u daqshekk u qal li qatt ma kien informer ta’ Lawrence Cutajar.

Brincat qal li darba ddiskuta lil Melvin Theuma fil-qosor ma’ Cutajar. Qal li Cutajar kien qallu li Theuma kien involut f’każ serju u li kien hemm recordings dwar il-każ. U li darba kien mar id-dar tiegħu biex ikellmu fuq ċitazzjoni.

“Lawrence Cutajar qalli li jekk kelli xi nformazzjoni dwar il-każ għandi ninfurmah, speċjalment dwar il-konverżazzjonijiet irrekordjati. Imma jien qatt ma kont se nrodd lil Theuma f’idejn il-pulzija,” qal Brincat.

Ix-xhud qal li hu semma lil Cutajar ma’ Theuma darba biss dwar ir-rekordings. Ftakar li Theuma kien qallu li kellu jiltaqa’ ma’ xi ħadd li kien jaħdem Kastilja u li kien ħabib ta’ Keith Schembri u li dan kien Kenneth Camilleri.

Brincat qal li hu kien iddiskuta ma’ Theuma r-raġuni għaliex kien involva lilu nniffsu f’dan kollu u Melvin Theuma qal li ħassu obblogat lejn Fenech għax Fenech kien tah permess li jaħdem bit-taxi viċin il-lukanda tiegħu.

Ix-xhud qal li jiftakar li Melvin Theuma kien qallu li Keith Schembri kien sablu mpieg mal-Gvern u ħa ritratt miegħu fis-sajf tal-2017 qabel ma nqatlet Daphne. Jiftakar li kien rah ferħan u qallu li kien tawh job.

Jiftakar li ftit taż-żmien wara kien rrabja li l-job kienu ħaduhulu. Ma ssemmewx ismijiet imma qallu li ċemplulu biex imur Kastilja u tawh impieg. Ix-xhud qal li huwa kellu n-numru tal-mobile tal-eks Kummissarju tal-Pulizija minħabba l-betting tal-Marsa u dan minħabba xi problemi li setgħu jinqalgħu konnnessi ma’ xi rebħ.

Qal li mal-eks Kummissarju ltaqa’ darbtejn u ma jiftakarx li tkellmu fuq il-Europol. Huwa kien jaf biss bil-Europol għax kien hawn il-barranin Malta jinvestigaw u għalhekk peress li kien hemm ħafna nvoluti, ma kienx se jibqa’ ħafna għajnuna għal Melvin, fejn hu ħaseb li kien l-eks Kummissarju li bagħthom għalih.

Meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Avukat Marion Camilleri x-xhud qal li r-relazzjoni li kellu ma’ Melbin Theuma kienet waħda ta’ missier u iben. Qal li huwa qatt ma qallu li kien qed jirrekordja lil Johann Cremona u sar jaf li kien jitkellem miegħu mill-gażżetta. Qallu biss li Melvin qallu li kien iltaqa’ miegħu fuq xi flat u fuq xi pleġġ tal-aħwa Degiorgio.

Brincat ikkonferma li hu kien jikkomunika ma’ Theuma b’mod regolari u li kien jarah spiss, anke jekk ikun hemm perjodu fejn kien idum ġimgħa ma jarah. Jidhirlu li kienet it-tifla ta’ Melvin stess li tagħat parir lil misierha biex jibda jirrekordja lil Yorgen Fenech.

Fuq id-diskorsata mal-eks Kummissarju din kienet fuq sempliċi ċitazzjoni u kien hu Lawrence Cutajar li qallu li Melvin kien involut fl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia. Kien qallu wkoll, “int għadek ħbieb ma’ Melvin hux, għax għandi bżonnok biex tgħini?”

Fuq domanda tal-Avukat Camilleri, Brincat qal li mhux vera li l-Kummissarju pprova jagħti l-għajnuna tiegħu lil Melvin fuq il-każ. Qal ukoll li lil Melvin huwa kien għattielu għax qallu li huwa ma kien jaf xejn bir-recordings. L-eks Kummissarju qallu biex jeħodlu minn rasu lil Melvin Theuma fuq il-każ.

Brincat qal li moħħu ma kienx mar fuq money laudering għal dak li kien qallu Cutajar, imma fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fuq tradiment Melvin dejjem qal ‘ittradewni’ u mhux ittradih – dejjem kien deffes f’rasu li kienu Yorgen Fenech u Keith Schembri. Minkejja li ma’ Keith Schembri, Melvin qatt ma ltaqa’, ħlief fuq il-job, kien jemmen li nvolut għax Yorgen dejjem kien isemmi lilu.

Dan l-omiċidju seħħ fis-16 ta’ Ottubru tal-2017 u kompla fil-Qorti fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, li huwa sid il-kumpanija f’Dubai 17 Black u li  qed iwieġeb mhux ħati li ppomova jew iffinanzja attività jew organiżazzjoni kriminali biex iwettaq reat.

Fil-bidu tal-kumpilazzjoni l-Ispettur Keith Arnaud qal li x-xhud ma jinsabx taħt suspett inkonnessjoni ma’ dan il-każ. Madankollu l-Qorti qalet lil Johann Cremona li jekk ikun hemm xi domanda li jaħseb li tista’ timpatta ħażin fuqu għandu dritt li ma jweġibx biex ma jinkriminax ruħu.

Dwar in-negozju li għandu ma’ Yorgen Fenech dawn huwa joperah minn żewħ postijiet, parti minnha minn Portomaso u Ħal Qormi fejn għandu uffiċċju. Huwa qal li ilu sħab fin-negozju ma’ Jorgen Fenech sa mill-2011. Fenech jieħu ħsieb l-accounts u l-IT u hu jmexxi l-operat.

Lil Melvin Thuema kien ilu jafu mill-2013 għax il-kumpanija kienet tikri xi postijiet lilu u kien jgħaddi għall-kera għandu kull xahrejn. Cremona qal li hu kien sar jaf b’ċeru informazzjoni dwar l-assassinju fl-2018 meta Kenneth Camilleri żar wieħed mill-ħwienet tal-ażżard tal-kumpanija biex jgħidlu biex jitkellem ma’ Melvin Theuma.

Qal li dan kien għall-ħabta ta’ Ġunju tal-2018 meta Kenneth Camilleri kien talabu biex ikellem lil Theuma, u lil dan kien jafu peress li kien joqgħod fejn missieru.

Ix-xhud qal li Kenneth Camilleri kien jaħdem bħala Pulizija tat-Traffic. Qal li jiftakar li hu u Kenneth kienu marru fir-residenza barra fiż-Żurrieq ta’ Melvin Theuma.

Qal li ma kienx jinteressah fuq xhiex riedu jitkellmu. Jiftakar li marru fejn blokk ta’ flats, u sakemm qed jitkellem ma’ missieru, raha lil Kenneth iċempel, wara li dan għamel pass il-bogħod minn Melvin Theuma.

L-għada kien l-uffiċċju u tfaċċa Kenneth għal xit-8.00am. xi tliet kwarti wara Melvin Theuma mar ġdejn u qallu li ried ikellem lil Kenneth Camilleri. Mar ikellmu u sema’ lil Melvin Thuema jidgħi u ftit wara qalulu sejrin ‘l hemm u deheru sejrin u deheru bil-geddum.

Dwar jekk jafx x’kien jagħmel Melvin Theuma, ix-xhud qal li kien bit-taxi u kellu l-lottu u li anke kellu wkoll xi propjetà. Kien qallu wkoll li qabel kien ukoll isellef il-flus. Kompla li meta sema’ li kienu ġew iffriżati mill-Qorti b’żewġ miljun ewro f’assi fuq propjetà, hawn beda jifhem xi ħaġa.

Tenna wkoll li kien qallu li ma kienx se jmur il-ħabs fuq money laundering. Ta’ spiss kien imur ikellmu rrabbjat u anke jitkellem ħażin.

Jekk jinstab ħati wara li jgħaddi ġuri, Yorgen Fenech jista’ jiġi kkundannat għal għomor il-ħabs.Caruana Galizia kienet inqatlet permezz ta’ karozza bomba  viċin id-dar tagħha fil-Bidnija.

Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, George Degiorgio, magħruf bħala iċ-Ċiniz u ħuh Alfred Degiorgio, magħruf bħala il-Fulu, huma akkużati li poġġew il-bomba taħt is-seat, in-naħa ta’ fejn hija ssuq.

L-avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca qegħdin jidhru għal Yorgen Fenech. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin jidhru għall-familjari ta’ Caruana Galizia. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra. Il-kumpilazzjoni se tkompli nhar it-Tnejn, 22 ta’ Ġunju fl-10.00am.