Għawdex Lokali Saħħa

“Prijorità lin-nurses Għawdxin li jaħdmu f’Malta” – AĠEM

Wara li fl-aħħar jiem l-AĠEM (l-Assoċjazzjoni tal-ħaddiema Għawdxin f’Malta) irċiviet numru konsiderevoli ta’ lmenti minn għadd ta’ infermiera Għawdxin li jaħdmu ġewwa Malta rigward l-ingaġġ ta’ infermiera barranin ġewwa l-Isptar Ġenerali t’Għawdex immexxi minn Steward Healthcare, AĠEM qegħda hawnhekk tressaq it-tħassib tagħha dwar din id-deċiżjoni.

Dan għaliex tali deċiżjoni se timpatta negattivament lil diversi infermiera Għawdxin li jaħdmu ġewwa Malta u li l-ħolma tagħhom dejjem kienet li jservu ġewwa l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. AĠEM temmen bi sħiħ li l-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta kif u meta hu possibbli, għandhom jinġiebu jaħdmu ġewwa Għawdex.

Dan isir dejjem skont ir-regolamenti maħruġa mill-Gvern permezz ta’ lista ta’ seniority b’tali mod li min ikun imissu jitla’ jaħdem Għawdex jagħmel dan skont iż-żmien li jkun ilu jaħdem Malta. B’hekk biss nkunu qegħdin inħaddmu l-għajta ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.

Għaldaqstant, l-AĠEM tħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-saħħa kif ukoll lill-Ministeru tas-Saħħa sabiex jispjega f’aktar dettall dak li seta’ ġara f’dan il-każ bl-iskop li titnaqqas l-inċertezza u tiżdied it-trasparenza. Inħeġġu wkoll lil Steward Healthcare sabiex jerġgħu jikkunsidraw din id-deċiżjoni favur infermiera Għawdxin li jaħdmu f’Malta.