Lokali Qorti

Lawrence Cutajar għandu jiġi investigat b’rabta ma’ relazzjoni bejnu u Melvin Theuma – Il-Maġistrat Rachel Montebello

Għaddejja investigazzjoni dwar il-komunikazzjoni li kien hemm bejn l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u Melvin Theuma, is-sensar fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u li ngħata l-proklama fuq l-omiċidju tagħha.

Sadanittant din it-talba saret ukoll mill-Avukat Jason Azzopardi fi tmien il-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech li kienet milqugħa mill-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello.

Il-fatt li qed jiġi diġa nvestigat l-eks Kummissarju Cutajar, ikkonfermah l-Ispettur Keith Arnaud waqt li kienet għaddejja l-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech li jinsab assoċjat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn qed jiġu mixlija wkoll tliet irġiel oħra, Vince Muscat, Alfred Degiorgio u Mario Degiorgio.

Ix-xhud prinċipali fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech – Johann Cremona qal li Melvin Theuma kien jgħidlu li kien jikkomunika mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Minkejja li skont ix-xhud il-komunikazzjoni ma’ Cutajar ma kinitx waħda diretta, Theuma kien jgħidlu li hu qatt ma kien se jeħel ħabs fuq money laundering u li hu kien diġa’ semma r-recordings ta’ dak li huwa kien ħa f’dan il-każ lil Lawrence Cutajar.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Ispettur Arnaud qal li dawn l-allegazzjonijiet għadhom qed jiġu investigati minn naħa tal-Pulizija. Sadanittant fi tmien il-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, l-Avukat Jason Azzopardi li qed jidher għall-familja ta’ Caruana Galizia talba lill-Maġistrat Rachel Montebello biex jiġi nvestigat l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar.

Fuq din it-talba l-Ispettur Keith Arnaud qal li l-investigazzjonijiet diġa qegħdin isiru mis-sezzjoni tal-Pulizija għar-reati kriminali. Il-Qorti qalet li diġa kienet staqiet lill-Prosekuzzjoni b’mod informali dwar jekk kinitx qed issir investigazzjoni bl-istess Prosekuzzjoni twieġeb fl-affermattiv.

Il-Qorti qalet li f’dan l-istadju tordna lill-Kummissarju tal-Pulizija preżenti biex b’mod formali biex jiġi nvestgat l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar.