Internazzjonali

Renju Unit: Jinvestigaw it-tiġrif ta’ fighter-jet fil-Baħar tat-Tramuntana

L-awtoritajiet militari qed jinvestigaw inċident fejn ajruplan tal-gwerra (fighter jet) tat-tip F-15C Eagle iġġarraf fil-Baħar tat-Tramuntana (North Sea) waqt li kien għaddej b’eżerċizzju ta’ taħriġ.

Dan meta fl-aħħar ħinijiet kienet għaddejja tfittxija għall-pilota Amerikan tal-ajruplan li kien jifforma parti mill-48th Fighter Wing fil-bażi ta’ RAF Lakenheath, f’Suffolk.

L-iskwadri għal missjonijiet ta’ search and rescue wieġbu minnufih għall-emerġenza fost tfittxija immedjata għall-ajruplan li deher jinżel fil-baħar, xi 74 mil nawtiku ‘il hinn mill-kosta ta’ East Yorkshire.

It-tfittxija inkludiet ħelikopter tal-gwardjani tal-kosta, flimkien ma’ numru ta’ lifeboats. Dan waqt li opri tal-baħar oħrajn kienu qed javviċinaw iz-zona fejn niżel l-ajruplan biex iwieġbu għall-emerġenza.

L-investigaturi tal-każ, filwaqt li ma provdewx dettalji, ikkonfermaw biss li kien hemm ‘pilota waħdu’ abbord.

RAF Lakenheath hi l-akbar bażi tal-ajru li qed tintuża mill-qawwiet tal-ajru Amerikani fl-Ingilterra. Din hi wkoll il-bażi għall-uniku fighter wing tal-ajruplani F-15 fl-Ewropa u fejn hemm stazzjonati ‘il fuq minn 4,000 membri tas-servizzi ( irġiel u nisa).

Kien biss matul it-Tieni Gwerra Dinjija li l-bażi ta’ Lakenheath intużat esklussivament mill-RAF u kienet spiċċat bħala bażi unika għall-qawwiet tal-ajru Britanniċi minn wara t-tmiem ta’ dan il-konflitt.