Internazzjonali

Russja: Ħabs għal eks-morin Amerikan ikkundannat dwar spjunaġġ

Qorti fil-belt ta’ Moska kkundannat eks morin tal-Istati Uniti għal sittax-il sena priġunerija ġo kumpless ta’ ħabs remot u iżolat mill-komunità, wara li hu nstab ħati dwar akkużi relatati mal-ispjunaġġ.

L-Amerikan, Paul Whelan, li kien akkużat b’li rċieva informazzjoni klassifikata, ippreżenta ruħu fl-awla tal-qorti b’sinjal bil-kliem li kien jaqra ‘Proċess tal-Qorti Finta’.

Whelan qed jilmenta li l-każ kontra tiegħu ma kienx għajr ‘politika qarrieqa tar-Russja li bażat fuq l-akkużi infondati’ waqt li talab lill-President Amerikan, Donald Trump, biex jintervjeni fis-sitwazzjoni.

Whelan kien ilu miżmum il-ħabs, f’Moska, mindu spiċċa arrestat, lejn l-aħħar tal-2018. Il-proċess tal-qorti tiegħu nżammet wara bibien magħluqa minħabba l-akkużi li hu kien qed jaħdem minn taħt biex jikseb is-sigrieti tal-Istat għall-iskapitu tar-Russi.

Sadanittant, l-eks morin għadu jinsisti sallum li hu innoċenti u li spiċċa ‘vittma ta’ logħba bi skopijiet ulterjuri’.