Internazzjonali

Stati Uniti: Il-mewt tar-raġel iswed f’Atlanta dikjarat bħala omiċidju

Eżaminatur mediku f’Atlanta, fl-Istat ta’ Georgia, iddikjara l-mewt ta’ raġel Afrikan-Amerikan bħala omiċidju wara li dan, fi tmiem il-ġimgħa, kien involut f’konfront mal-pulizija li fih spiċċa jaqla’ tiri fatali. Il-vittma, Rayshard Brooks, miet waqt li kien qed jaħrab lil żewġ uffiċjali tal-pulizija fiz-zona tal-parkeġġ quddiem ristorant drive through tal-kumpanija Wendy’s.

Il-pulizija kienu wieġbu għall-każ wara li xi ħadd fir-ristorant ċemplilhom biex jgħidulhom li Brooks kien rieqed fil-karozza li kienet qed timblokka t-triq għal ħaddieħor. Il-pulizija kienu għaddew lil Brooks mill-proċess tal-breathalyser u mal-ħin spiċċaw f’taqbida miegħu li kkonkludiet bi sparatura fatali.

L-inċident wassal għal ‘ħuġġieġa oħra ta’ rabja’, fost il-protesti tal-massa, meta l-Istati Uniti għadha maħkuma mit-tensjoni wara l-każ ta’ George Floyd, Amerikan iswed ieħor, li x-xahar li għadda tilef ħajtu waqt li kien qed jinżamm arrestat mill-pulizija f’Minnesota.

Il-qtil ta’ Rayshard Brooks ħalliet konsegwenzi immedjati, bil-Kap tal-Pulizija ta’ Atlanta tirriżenja u bil-pulizija suspettat bl-omiċidju tar-raġel jispiċċa mkeċċi mill-korp. Intant, l-inċidenti vjolenti ma naqsux fost ir-rabja tar-residenti f’Atlanta, bir-ristorant tal-Wendy’s li spiċċa ‘sit tal-omiċidju’ jingħata n-nar mid-dimostranti.

Fi tmiem il-ġimgħa, eluf kbar ta’ nies issieħbu mill-ġdid fil-protesti li għaddejjin bħalissa madwar l-Istati Uniti, bid-dimostrazzjonijiet qed isiru taħt it-tema ‘Black Lives Matter (Il-Ħajja tas-Suwed ukoll hi Importanti)’.

Intant, xi gruppi ta’ dimostranti f’Chicago vandalizzaw l-istatwa ta’ George Washington, li kien l-ewwel President tal-Istati Uniti u li spiċċat miżbugħa b’messaġġ li ‘hu (Washington) kien sostenitur tal-iskjavtu’.

Il-folol reġgħu nġabru quddiem il-White House ta’ Washington, waqt li gruppi ta’ dimostranti mlew iċ-ċentru ta’ Los Angeles fejn ipprotestaw dwar ‘il-brutalità, ir-razziżmu u l-politika ta’ diskriminazzjoni min-naħa tal-pulizija’.

Sadanittant, l-eżaminatur mediku ta’ Fulton County iddikjara ‘kategorikament’  il-mewt ta’ Rayshard Brooks bħala omiċidju wara li l-vittma spiċċa jsofri żewġ tiri f’dahru. Il-pulizija mkeċċi, Garrett Rolfe, li hu suspettat bil-qtil ta’ Brooks, jista’, ‘il quddiem, jiffaċċja varjetà ta’ akkużi — inklużi dwar ‘aġir li qabeż il-limitu legali u li ssarraf fil-mewt ta’ persuna’ u dwar attakk vjolenti aggravat.