1. Ordni mill-Maġistrat biex Cutajar jiġi investigat
L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar tpoġġa taħt investigazzjoni kriminali wara r-rivelazzjonijiet li ħarġu fil-Qorti waqt il-kumpilazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-Maġistrat Montebello tat din l-ordni formali fuq talba li għamel l-evukat Jason Azzopardi.
Dan ifisser li issa l-Aġent Kummissarju Carmelo Magri se jinvestiga lill-predeċessur tiegħu.
2. “Il-Ġojja” kif daħal fl-istorja?
Fil-Qorti, xehed ukoll Edgar (Edwin) Brincat, magħruf bħala “Il-Ġojja”. Hu ddeskriva lilu nnifsu bħala persuna li jżomm l-imħatri.
Brincat hu persuna viċin ta’ Yorgen Fenech, u kien jaf sew lil Lawrence Cutajar (stqarr li ilu jafu 30 sena).
Il-Ġojja spjega kif Melvin Theuma, wara l-assassinju, kien kontinwament imur għandu jibki – dan kien iseħħ l-aktar meta toħroġ xi aħbar ġdida fil-gazzetti.
3. Kien Lawrence Cutajar li nfurmah bir-recordings
Taħt ġurament, Il-Ġojja jgħid illi kien Lawrence Cutajar li stqarr miegħu kif Theuma kien involut f’każ jaħraq. U jistqarr illi kien l-eks Kummissarju li semmielu r-recordings ta’ Melvin Theuma – u allura, infurmah bl-eżistenza ta’ dawn ir-recordings li kienu qed jinżammu mill-middleman.
4. Jibqa’ jispikka isem Keith Schembri
F’Settembru tas-sena li għaddiet, l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri kien ċempel lil Johann Cremona (business partner ta’ Yorgen Fenech). Dan seħħ ftit tal-ġimgħat biss qabel waqa’ l-Gvern – qabel l-arrest ta’ Fenech fil-marina ta’ Portomaso.
Meta kkuntatja lil Cremona, Schembri kien inkwietat għaliex ma setax jaqbad lil Fenech.
5. Johann Cremona jibki fl-awla
F’ħin minnhom, il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li innotat inkonsistenzi fix-xiehda ta’ Cremona…li minn naħa tiegħu deher emozzjonat u mbikkem meta rrefera għall-mewt ta’ missieru sena ilu.
6. Kien tkellem ma’ qassis
Johann Cremona stqarr li qatt ma tkellem dwar dak li kien jaf fuq l-assassinju “ħlief darba ma’ qassis”.
“Melvin dejjem kien jgħidli l-istess storja u jsemmi l-ismijiet ta’ Yorgen Fenech, Keith Schembri, Chris Cardona u David Gatt”
7. Min ordna l-assassinju?
Dan hu punt importanti li ħareġ fil-Qorti, u li ftit qed jissemma’.
Johann Cremona qed jgħid illi Melvin Theuma kien qallu li Yorgen Fenech u Keith Schmebri kienu ordnaw l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, u li huma tradewh.
8. Il-middleman kien f’xifer li jneħħi ħajtu
Cremona qal li Theuma kien jgħidlu li kien se joqtol lilu nniffsu. Kien jgħidlu li se jisker u jneħħi ħajru b’idejh.
Fil-Qorti, Johann Cremona qal ukoll li kull meta Theuma ma kienx jirnexxielu jaqbad lil Yorgen Fenech kien jiġġennen.
Hu kkonferma li Melvin Theuma waqa’ f’dippressjoni u kien jibki ħafna.
9. L-avukat David Gatt
Melvin Theuma kien qal lil Cremona li l-avukat David Gatt kien qallu li jekk l-aħwa Degiorgio jgħidu xi ħaġa wara li joħorġu mil-ħabs…Chris Cardona kien se joqtolhom.
10. Il-flus ta’ Chris Cardona
Skont Johann Cremona, Theuma qallu li kienu qalulu li meta l-akkużati jinħarġu mill-ħabs, Chris Cardona kellu jipprepara €400,000.
//= $special ?>