Lokali

32 xahar wara u Malta għadha tistenna l-ġustizzja

32 xahar wara, l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għadu mhux solvut, u minkejja l-arrest ta’ tliet irġiel akkużati li wettqu l-qtil, u l-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech bħala wieħed mill-mandanti, fil-Qorti feġġew diversi drabi l-ismijiet ta’ Keith Schembri, Chris Cardona, Lawrence Cutajar, u Joseph Muscat.

Ilbieraħ filgħaxija, f’Misraħ l-Assedju l-Kbir, saret l-ewwel velja fiżika b’tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia  minn mindu ġew irrilassati l-miżuri tal-Covid-19.

F’messaġġ li għadda waqt il-velja, l-avukat Bernard Grech qal li llum ma fadal ħadd li jiddubita l-fatt li dan huwa pajjiż mhux normali. Pajjiż li hu maħkum minn xibka kriminali li ħatfu lil Malta biex saru miljunarji.

Hu qal li mhux biżżejjed li nkunu nafu x’marda ħakmet lil dan pajjiżna, imma rridu nfejqu lill-Malta tagħhna u jridu jsiru l-investigazzjonijiet kollha skont kif titlob il-liġi u mingħajr indħil.  Grech ħeġġeġ lill-Pulizija u l-awtoritajiet, jagħmlu xogħolhom bla biża, u saħaq li l-pajjiż qed isejjaħ lill kull wieħed u waħda minnha biex naraw li sseħħ il-ġustizzja.

Il-blogger Andre Delicata qal li l-istorja ta’ Malta f’dawn l-aħħar 7 sena kienet storja ta’ serq sfaċċat quddiem wiċċna. Serq ta’ flus il-poplu, serq tad-demokrazija u serq tas-Saltna tad-dritt, serq tal-ġustizzja u serq u tkasbir tar-reputazzjoni ta’ Malta tagħna. U meta l-kriminali ndundaw li ħadd ma kien se jwaqqafhom, serqu l-ħajja ta’ mara.

Minn naħa tagħha, il-President ta’ Repubblika, Vicky Ann Cremona qalet li Daphne Caruana Galizia kienet qed tipprova tikxef il-ħmieġ ta’ dawk li ħakmu lil Malta u li għadhom imexxuha. Hi qalet li smajna fuq nies li ddispraw mhux għax kienu involuti f’assassinju makabru, imma għax beżgħu li jinqabdu.

Paul Fleri Soler qrat l-istqarrija li ħarġu Repubblika it-Tnejn wara li komplew jinstemgħu aktar xhieda fil-Qorti b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Fl-istqarrija l-organizzazzjoni saħqet li mhux se tieqaf tiġġieled sakemm issir il-ġustizzja.

Persuni li attendew għall-velja tal-bieraħ poġġew xemgħet u fjuri quddiem xbiha tal-ġurnalista assassinata, kif hija l-użanza dwar il-velji ta’ kull xahar.