Coronavirus Lokali Saħħa

6 Każi ġodda, 5 ifiqu. Il-każi attivi jitilgħu għal 39

Sitt każi ġodda ta’ Coronavirus f’Malta fl-aħħar 24 siegħa. Dawn il-każi instabu minn 1,236 swab test li saru fl-istess żmien. Min-naħa l-oħra, 5 persuni kienu dikjarati mfejqa mill-virus biex issa il-każi attivi telgħu għal 39.

Għalkemm b’numru żgħar, in-numru ta’ każi attivi issa ilu jiżdied b’ċertu konsistenza għal diversi jiem.

Dawn iċ-ċifri tħabbru fuq il-paġna tal-media soċjali tal-Ministeru tas-saħħa. Tnejn mis-sitt każi ġodda huma parti minn cluster li kien diġa’ identifikat filwaqt li l-erba’ każi l-oħra li mhux magħruf kif sfaw infettati.

B’kollox, in-numru ta’ każi issa tela’ għal 656. In-numru ta’ vittmi baqa’ 9 filwaqt li 608 persuni fiequ mill-virus.

Sadanittant, tard it-Tnejn filgħaxija, il-Gvern ħareġ l-Avviż Legali li jiddikjara it-tmiem tal-emerġenza medika.

Permezz ta’ dan l-avviż legali – li jidħol fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju – jitħassru diversi avviżi legali fosthom l-Ordni dwar l-Għeluq tal-iSkejjel u sospensjonijiet dwar ħinijiet legali dwar konvenji, kwistjonijiet notarli u ħinijiet ġudizzjarji.

Tħassru wkoll ir-regolamenti li jipprojbixxu Avvenimenti organizzati u l-ordni dwar in-numru ta’ persuni fi spazji pubbliċi. Dwar dawn tal-aħħar, hu importanti li wieħed ifakkar li sa l-aħħar ta’ dan ix-xahar, dawn ir-restrizzjonijiet se jibqgħu fis-seħħ.