Lokali

AĠĠORNATA: “Chris Cardona għandu jiġi investigat minnufih” – Adrian Delia

Abela jgħid li talbu jirriżenja minn Deputat Mexxej ... s'issa skiet minn Cardona

Chris Cardona għandu jiġi investigat minnufih għax ir-riżenja waħedha mhi se ssolvi xejn.

Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fuq Facebook ftit tal-ħin wara li l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li talab lil Chris Cardona biex jirriżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit.

Abela ħabbar dan meta mistoqsi minn MaltaToday, fejn spjega li ikkomunika ma’ Cardona fis-sigħat li għaddew, għalkemm ma spjegax jekk il-komunikazzjoni kinitx b’telefonata jew b’xi messaġġ elettroniku. Min-naħa l-oħra, skont Abela, Chris Cardona mistenni jippreżenta r-riżenja tiegħu “fil-ħin li ġej”.

Dwar dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll li Cardona messu ilu li telaq jew li Abela messu ilu li keċċieh.

It-taqlib fil-Partit Laburista għaddej fi żmien meta l-Partit suppost ingħaqad wara l-ħatra ta’ Abela ħames xhur ilu. Dan anke fid-dawl li f’dawn il-jiem, il-Partit Laburista qed jiġbor il-flus mingħand il-partitarji tiegħu.

Sadanittant, s’issa skiet li jtarrax minn Chris Cardona, li mhux iwieġeb id-diversi tentattivi li qed isirulu mill-ġurnalisti. S’issa lanqas ma għadu kkummenta fuq il-media soċjali.

Ikkummenta