L-esperjenza ta’ Andrè Paus bħala kowċ ta’ Birkirkara se tkompli wara li tħabbar uffiċjalment li l-Olandiż iffirma kuntratt ta’ sena. Il-ħidma li saret minnu kemm ilu li ngħaqad mal-Istripes f’Settembru tas-sena l-oħra, kienet ir-raġuni prinċipali biex iż-żewġ partijiet qablu li jkomplu jaħdmu flimkien.
Paus kien ħa post John Buttigieg wara li Birkirkara kienu bdew il-kampjonat b’żewġ telfiet kontra Floriana u Senglea Athletic. Wara riżultati mħallta fl-ewwel rawnd, Birkirkara għamlu rtokki f’Jannar u l-frott beda jidher immedjatament hekk kif Birkirkara kienu l-aktar tim fil-forma qabel il-kampjonat waqaf minħabba l-Covid-19.
Fis-seba’ logħbiet li ntlagħbu fit-tieni rawnd, Birkirkara kisbu ħames rebħiet u żewġ draws fosthom rebħiet kontra Floriana, Valletta, Hibernians u Gżira United. In-nuqqas ta’ tkomplija tal-kampjonat wassal biex Birkirkara kklassifikaw fil-ħames post, żewġ punti taħt Sirens u erba’ punti taħt Hibernians b’sitt logħbiet għat-tmiem.
Birkirkara jemmnu li bit-tim li kien hemm u bil-ftit plejers li ġew akkwistati u oħrajn li ħallew il-klabb f’Jannar li għadda, għandhom il-bażi ta’ tim kompetittiv u għalhekk f’dan is-sajf mhux mistennija rivoluzzjoni kif kien sar fis-snin preċedenti.
Paus li għandu 54 sena, jinsab fit-tieni esperjenza tiegħu f’pajjiżna wara li fl-2014 mexxa għal nofs staġun lil Valletta u wassalhom għar-rebħ tal-kampjonat u l-FA Trophy.
//= $special ?>