Futbol Sport

Bayern Munich champions tal-Ġermanja għat-tmien staġun konsekuttiv u t-30 darba fl-istorja

(Ritratt: Bundesliga)

Bayern Munich ħadu dak li riedu biex bir-rebħa ta’ 1-0 kontra Werder Bremen aċċertaw mir-rebħ tat-tmien kampjonat konsekuttiv u rekord ta’ 30 kampjonat mirbuħ. Il-gowl importanti wasal fit-43 minuta b’passaġġ ta’ Jerome Boateng li qabbeż lejn ROBERT LEWANDOWSKI li b’mod millimetriku kien f’pożizzjoni tajba biex ikkontrolla b’sidru u b’xutt mill-ewwel għeleb lil Jiri Pavlenka. Bayern Munich kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas fid-79 minuta wara li Alphonso Davies muri t-tieni karta safra. Werder Bremen għafsu biex jevitaw it-telfa u jiksbu punt importanti fit-taqtigħa kontra r-relegazzjoni, b’Manuel Neuer ikun strumentali lejn it-tmiem meta salva tajjeb daqqa ta’ ras ta’ Yuya Osako.

(Ritratt: EPA)

Borussia Mönchengladbach telgħu momentarjament fir-raba’ post b’rebħa meritata ta’ 3-0 kontra Wolfsburg. JONAS HOFMANN fetaħ l-iskor wara 11-il minuta b’xutt għar-rokna wara li rċieva passaġġ vertikali fl-ispazju. L-istess JONAS HOFMANN irdoppja man-nofs siegħa logħob meta din id-darba rċieva mingħand Matthias Ginter u skorja minn qagħda ideali. LARS STINDL għalaq il-logħba f’nofs it-tieni taqsima bit-tielet gowl meta rċieva kross ta’ Ibrahima Traore u għeleb lil Koen Casteels.

Gowl kien biżżejjed biex Union Berlin għelbu lil Paderborn 1-0. B’din ir-rebħa assiguraw posthom fil-Bundesliga filwaqt li Paderborn ġew matematikament relegati. Il-gowl deċiżiv wasal  fis-27 minuta b’awto-gowl ta’ Ben Zolinski.

Freiburg rebħu 2-1 kontra Hertha Berlin. VINCENZO GRIFO poġġa lil Freiburg minn fuq fil-61 minuta bi free-kick dirett iżda VEDAD IBISEVIC ġab id-draw ħames minuti wara minn penalty. NILS PETERSEN skorja l-gowl tar-rebħa fil-71 minuta wara li seraq il-ballun mingħand Vladimir Darida.