Id-deċiżjoni tal-management tal-Air Malta li jkeċċi l-piloti u joħroġ demotions għal numru sostanzjali ta’ Kaptani ittieħdet mingħajr safety risk assessment. Dan hu obbligu bil-liġi u dan ir-rapport ma ngħatax lid-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni tal-Piloti (ALPA) qal dan hu stat ta’ illegalita’ u kif inhuma l-affarijiet, l-Air Malta tista’ tħaddem biss madwar 30 bdot.
L-ALPA qalet li r-responsabbilta’ legali ta’ din l-irregolarita’ u l-konsegwenzi tagħha hi tal-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Clifford Chetcuti, li kien deskritt mill-Assoċjazzjoni bħala l-‘magħżul ta’ Konrad Mizzi’ minkejja li ma kellu ebda esperjenza fit-tmexxija ta’ linja tal-ajru.
L-istqarrija tkompli li għalkemm qed isir diskors li l-Gvern irid jerġa’ jidħol f’negozjati ġodda, sa issa, il-Kumitat tal-ALPA ma kienx avviċinat. Tant li waqt is-smigħ tal-kawża fil-Qorti ilbieraħ, l-Avukat tal-kumpanija kien ċar dwar l-intenzjoni tal-Air Malta li ma tiltaqax mal-Assoċjazzjoni.
Filwaqt li tibqa’ miftuħa għal diskussjonijiet, l-ALPA fakkret li minkejja li kienu għaddejjin laqgħat u diskussjonijiet, il-management tal-Air Malta qabad u ikkomunika direttament lid-69 bdot bit-tkeċċija tagħhom. Dan minkejja diversi assigurazzjonijiet li dan mhux se jsir.
//= $special ?>