Internazzjonali

COVID-19…Jiem deċiżivi għaċ-Ċina li qed tipprova tevita tieni mewġa ta’ infezzjonijiet

Iċ-Ċentru għall-Kontroll u Prevenzjoni ta’ Mard fiċ-Ċina qal li t-tlett ijiem li jmiss għandhom ikunu kritiċi u deċiżivi meta l-pajjiż – fejn feġġ il-coronavirus ġdid għall-ewwel darba – qed jieħu l-miżuri kollha biex jevita tieni mewġa ‘katastrofika’ ta’ din il-pandemija.

L-awtoritajiet Ċiniżi jinsabu inkwetati dwar l-aħħar xejriet, bl-uffiċjali f’Beijing jikkonfermaw li 27 persuni oħra testjaw pożittiv għall-Covid-19 . Dan ifisser li n-numru ta’ każi pożittivi ‘ġodda’ fil-kapitali taċ-Ċina telgħu għal 106, fl-aħħar ħames ġranet.

Ħafna residenti fiz-zoni urbani taċ-Ċina qegħdin jgħixu qalb distretti żgħar magħrufin bħala xiaoqu, bl-entraturi għalihom qed ikunu mħarsa minn rappreżentanti li jaġixxu fuq bażi ta’ neighbourhood watch u li, fl-istess ħin, jaċċertaw li r-residenti jirrispettaw il-kriterji tal-iġene, l-indafa ġenerali u regoli oħra li jevitaw il-possibbiltà ta’ infezzjonijiet ġodda.

Sadanittant, il-belt ta’ Beijing qed tħabbar ritorn ‘għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza’ f’dawn iċ-ċirkustanzi inkwetanti.

Dan waqt li ‘il fuq minn 100,000 ħaddiem u voluntiera qalb il-komunità qed ikunu mobilizzati biex jaċċertaw li r-residenti f’29 komunità taħt lockdown u persuni vulnerabbli oħrajn jistgħu jingħataw l-ikel u provvisti bażiċi oħra.

F’Beijing qed titħaddem skeda fejn numru ta’ sewwieqa speċifiċi qed iwasslu lin-nies lejn sptar partikulari fejn ikunu trattati l-pazjenti kollha infettati bil-Covid-19.

L-uffiċjali sadanittant qed jirreferu għall-inċidenza ġdida tal-Covid-19 f’Beijing bħala ‘waħda serja ħafna’, bl-awtoritajiet lokali jaħilfu li qegħdin jieħdu ‘l-aktar miżuri stretti u deċiżivi biex irażżnu l-effetti tagħha’.

Ir-residenti tad-distrett madwar is-suq enormi ta’ Xinfadi – li qed ikun konness mal-inċidenza ġdida ta’ infezzjonijiet – kienu infurmati ċar u tond li ma jistgħux joħorġu minn Beijing, bit-taxis huma projbiti milli jivvjaġġaw ‘il hinn mill-kapitali.

Għexieren ta’ eluf ta’ nies li kienu fis-suq fejn feġġew l-ewwel fost il-mewġa tal-infezzjonijiet ġodda, flimkien man-nies li marru fi swieq oħra, kienu mwissija biex jirrappurtaw lill-awtoritajiet qabel imorru dritt id-dar u jibqgħu hemm taħt kundizzjonijiet ta’ kwarantina. Dan waqt li għaddejjin it-testijiet tal-massa għal kulmin kellu kuntatt mas-swieq jew iċ-ċentri għad-distribuzzjoni tal-ikel — bl-awtoritajiet jinsabu ddisprati biex ma jagħlqux mill-ġdid il-belt ta’ Beijing fejn qed jgħixu mal-20 miljuni.