Lokali Qorti

Etjopjan mhux ħati ta’ attentat ta’ qtil wara ġlieda Paceville

Raġel mill-Etjopja ġie lliberat minn akkużi ta’ attentat ta’ qtil jew li poġġa l- l-ħajja ta’ persuna f’periklu ċar mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Dan il-każ kien seħħ kmieni filgħodu fis-6 ta’ Marzu, 2016 ġewwa Paceville, fil-konfront ta’ ċertu Michael Abela, f’Paceville.

Daniel Mebrahatu Tesfay lanqas ma nstab ħati li fil-4.45 am. kkommetta feriti gravi b’arma u li taqta bil-ponta fil-konfront ta’ Abela u li fera ħafif lil ċerta Sarah Nathalie Johnson permezz ta’ arma u dan wara ġlieda ma’ żewġ ġuvintur u tfajla. Fil-post kien hemm tfajla oħra li iżda ma pparteċipatx fil-ġlieda.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li ma tistax tifhem għaliex il-persuni li kienu nvoluti fil-ġlieda ma tressqux il-Qorti għaliex kienu huma li pprovokaw lill-akkużat. Mebrahatu Tesfay kienet qed jiffaċċa l-agressjoni ta’ tliet persuni u ħareġ is-sikkina meta ġie attakkat.

Dak li għamel għamlu għas-sigurtà tiegħu wara li kien qed jiġi aggredit u attakkat minn tliet persuni. Mill-provi qalet il-Qorti rriżulta li ma kienx l-akkużat li attakka lil Abela, għaliex kieku seħħ hekk it-tipi ta’ ġrieħi kienu jkunu differenti u mhux minn angoli, waqt li beda t-tixjir bis-sikkina.

Huwa ma nstabx ħati wkoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied u li kien fis-sakra u ma kienx kapaċi jieħu ħsieb tiegħu nniffsu. Instab ħati iżda li ġarra arma u li taqa’ bil-ponta bla permess u ġie mmultat

Abela qal fil-Qorti li huwa kien fil-kumpanija ta’ tliet ħbieb fejn Baystreet Paceville, u raw lill-akkużat f’ karozza riesaq u li kienet qed tinstaq lejhom. Qal li dan beda jgħddi xi kummenti lejn żewġ tfajliet li kienu magħhom, u sieħbu qallu biex ikompli jsuq.

Abela qal li f’dak il-ħin Mebrahatu Tesfay ħareġ mill-karozza b’sikkina, u li qallu xi kliem, fosthom li kellu sikkina. Qal li mar fejn il-karozza tiegħu, u qalli ejja, ‘let’s go’ u kien dak il-ħin li xejjirlu daqqa ta’ sikkina f’għonqu.

Huwa nduna li kellu feriti f’għonqu meta mar fil-parkeġġ fejn kellu l-karozza u saq ‘l hemm. Meta kien qed isuq , qal Abela, Mebrahatu Tesfay beda jagħlaq l-aċċess tat-triq bil-karozza, ħareġ biex jikkonfrontah u tah daqqa oħra ta’ sikkina taħt spalltu. Qal li f’dan il-ħin huwa ntilef minn sensih.

Huwa ttieħed l-isptar u sarilu xi punti f’għonqu. Huwa ċaħad li kellu xi argument ma’ xi ħadd ieħor waqt li kien sejjer għall-karozza, imma qal li b’mod aċċidentali seta’ laqat Pulizija waqt il-kommossjoni. Huwa ammetta li mar fejn il-Casino biex iħebb għall-akkużat. Qal li kienu żewġ koppji, miegħu kellu tfajla u sieħbu kellu wkoll waħda.

Ħareġ ukoll li sieħbu seta’ ta daqqa lill-akkużat bix-xhud itenni li l-erba’ li huma setgħu kienu xi daqsxejn imaċaqqalqin minħabba li kienu xorbu. Sarah Nathalie Johnson, qalet li hu ma xorbotx dak inhar, għax ma tistax tixrob, u li kienet ma’ Abela qalet li l-akkużat ta daqqa ta’ ponn u waqgħet mal-art rat lill-akkużat jagħti lil Michael Abela daqqa ta’ sikkina f’għonqu u li hija wkoll sofriet minn ġerħa żgħira waqt din il-ġlieda. Hija qalet li bdiet toffendi lil Mebrahatu Tesfay.

Stanley Buhagiar, sieħeb Abela qal li l-inċident seħħ taħt il-lukanda Intercontinental. Huma kienu telqu minn Havana u mar jixtri pizza, pero kien raha lil sieħbu jaqla’ daqqa ta’ sikkina.

L-akkużat li qal li huwa mastrudaxxa qal li dak inhar wara li mar jixrob kien qed isuq il-karozza u raha xi erba’ jew ħames persuni jaqsmu t-triq u resqin lejh u li dawn qalulu xi ħaġa bil-Malti. Hu staqsiehom x’kien qed jiġri u wara tnejn jew tliet irġiel u jsawwtuh u jagħtuh bil-ponn fuq wiċċu. Huwa ħadulu wkoll iċ-ċwievet tal-karozza wara li neħħewilu mill-ignition.

Qal li meta raha hekk ħareġ ‘jack knife’ li jżomm fil-karozza u li jużaha għax-xogħol u ħareġ biha biex ibeżżagħhom u beda jgħidilhom biex jiefqu, iżda xorta baqgħu jsawwtuh.

L-Etjopjan qal li l-ġlieda damet xi nofs-siegħa u baqgħu jiġru warajh sal-Casino Malta, iżda l-membri tas-sigurtà ma’ ħallewhomx jidħlu. Qal li huwa qatt ma ġġieled ma ħadd qabel.

Il-Qorti qalet li l-Ispettur Elton Taliana qal li l-akkużat dejjem żamm mal-verżjoni tiegħu, anke waqt l-interogazzjoni. Xehed ukoll ċertu Joseph Mifsud, li jħaddem lill-akkużat u dan ikkonferma li s-sikkina tintuża għax-xogħol li huwa jagħmel.

Il-Qorti nnutat li t-tliet persuni li kienu nvoluti fil-ġlieda, mhux l-akkużat ma kienux konsistenti fix-xhieda tagħhom. Lorraine Cutajar, biss kienet kredibbli u li qalet li waqt il-ġlieda ħarbet u marret tistaħba wara karozza li kienet ipparkjata Baystreet.

Kollox jindika li l-akkużat ma kellux triq oħra billi jiddeffendi ruħu u jżomm l-agressuri tiegħu l-bogħod minnu. Minħabba nuqqas ta’ provi lanqas ma nstab ħati li kien xurban u ma setax jieħu ħsieb tiegħu nniffsu. Għal Daniel Mebrahatu Tesfay deher l-avukat Joe Giglio.