Lokali Qorti

Ħames snin ħabs għal Carer li sawwat anzjan f’San Vinċenz

Carer ta’ 27 sena fir-residenza San Vinċenz de Paule li kważi sentejn ilu kien ġie sospiż mix-xogħol fuq allegazzjoni ta’ swat fuq anzjan f’din id-dar tal-anzjani ġie kundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati ta’ dan l-aġir.

Charlton Spiteri nstab ħati li f’Awwissu tal-2018 aggredixxa billi ta bil-ponn lil Emmanuel Axiak fis-Sala Fatima. Il-Carer ma kienx ħaddiem tar-residenza, iżda ta’ kumpanija li tipprovdi servizzi ta’ dan it-tip f’San Vinċenz de Paule.

Fis-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ġiet ikkunsidrata l-kondotta nadifa ta’ Spiteri. Madanakollu l-Maġistrat qalet li din ma tbiddel xejn mill-fatt li l-għemil tiegħu huwa wieħed xokkanti, att inuman u krudili li jikkalpesta’ d-dinjità tal-bniedem.

Qalet li ftit huma l-kliem li jistghu jasslu biex jispjegaw l-għajb u stmerijja, li vjolenza simili nflitta fuq anzjan ta’ 78 sena minn min gie fdat bil-kura tieghu, tqanqal. 

Aggressjoni li tisfrutta l-vulnerabbilità ta’ min jirritalja ma setgħax, jiddefendi ruħu ma felahx, jitkellem ma jasalx u jsejjaħ għall-għajnuna ma jistax!  Minflok ma’ Leli Axiaq sab idejn u driegħ tal-imputat biex isserraħ magħhom, biex jikkurawh, sab biss il-ponn iebes tiegħu ma wiċċu!

Ponn li t-tbenġil li ħalla fuqu żgur li ma baqax limitat ghal dawk viżibbli fuq wiċċu tul ix-xahrejn u nofs ta’wara li baqa’ ħaj, kif jixhed il-biki tiegħu kull meta ssemma’ isem l-imputat “Charlton”, saħqet il-Qorti. 

L-anzjan, li kien spiċċa l-Isptar Mater Dei għall-kura kien ikkonferma li Spiteri kien tah daqqa ta’ ponn u kkaġunalu ġrieħi gravi. Spitieri għall-ewwel kien qal li ma kien jaf b’xejn, iżda meta mistoqsi aktar tard huwa kien qal li kien “laqat” lill-anzjan bil-ġenb tas-sodda, li hija tal-ħadid.

L-anzjan, li kien miet fit-23 ta’ Ottubru tal-2018 kien involut f’argument ma’ Spiteri, li jeskala tant li l-Carer tah xi daqqiet.  Spiteri  nstab ħati li fil-05 ta’ Awwissu, 2018, għall-ħabta tas-1.15pm mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja f’periklu ċar, ikkaġuna ferita ta’ natura gravi fuq Emmanuele Axiak,.

Huwa nstab ħati wkoll li wettaq dan ir-reat meta xogħolu kien li jieħu ħsiebu u li kellu l-kura u l-kustodja tiegħu.  L-Ispettur Sean Pawney spjega fil-Qorti kif il-pulizija ġew informati li fil-5 ta’ Awwissu, 2018, ghall-ħabta tas-6.00 pm, anzjan residenti l-Isptar San Vinċenz De Paul, ittieħed l-emerġenza ta’ Mater Dei minħabba ġrieħi li ġarrab f’wiċċu.

L-anzjan kellu problemi biex jitkellem kif ukoll kellu problemi ta’ mobilità kaġun tal-fatt li kien pupletku. Axiak, fil-preżenza ta’ wliedu, identifika lil Charlton Spiteri bħala l-persuna li kkawżatlu l-ġrieħi b’daqqiet ta’ ponn.

L-imputat kien qal li kienu xi 1:15pm meta għen persuna f’wheelchair: “Jien dak il-ħin rajt lil anzjan Axiak jiżżerżaq minn fuq is-sodda u għajjat lill kollega tiegħi Rafel Ronei biex nirranġawh fuq is-sodda imbagħad għidtlu biex jien intellgħalu l-ġenb tas-sodda, allura mort inġib bed table biex, jekk dan ikun qed jaqa’ jkollu ma xhiex iżomm, peress li rajtu qed jiżżerżaq.

“Aħna rranġajnieh fuq is-sodda u jien għidtlu li sejjer inkompli nirranġah jien. Waqt li kont sejjer inġib il-bed table laħaq dahar biex jipprova jiżżerżaq, jien dak il-ħin daħħalt idi biex inżommu milli jiżżerżaq u tellajt is-side tas-sodda u dak il-ħin jista jkun li lqattu xi naqra peress li ħasadni.

“Peress li huwa daqxejn ta’ big boy dħalt naqra b’saħħti biex ilqajtu.” Mistoqsi imbagħad jekk ħaseb li laqtu u weġgħu huwa wieġeb, “Jista’ jkun lqattu b’idi jew li ħabat mal-ħadida, jien anke iċċekkjajtlu wiċċu u dak il-ħin ma kien jidher li hemm xejn.”

Wara li ttiehdet l-istqarrija ta’ Charlton Spiteri, l-Ispettur Pawney rega’ kellem lil Axiaq u dan baqa’ jaghmel is-sinjali bil-ponn u kien emozzjonali ħafna, tant li beda’ jibki. L-Ispettur qal li huwa staqsieh kienx żgur li sawwtu u jekk forsi laqtux, bl-anzjan jagħmel l-istess sinjali li kien sawwtu.

L-Ispettur qal li huwa kien ircieva nformazzjoni mingħand is-Supretendent tal-Isptar tar-residenza San Vincenz De Paule, Toni Sant li qallu lil Charlton Spiteri sawwat lil Axiaq u anke intervjena vokalment u anke qallu biex iħallih u jieqaf.

Il-Pulizija tkellmet ukoll ma’ Noel Sharples, in-Nursing Officer in charge tas-sala u spjega kif Jesmond Borg fis-2.30pm. li Axiaq kellu tbenġil f’wiċċu li ħadd ma kien avża sa dak il-ħin li kellu tali problema u minħabba hekk huwa ttieħed l-isptar.

Ġew esebiti ritratti fihom fuq in-naħa tax-xellug tal-wiċċ jidhru tbenġil sostanzjali konsistenti fi black eye (taħt l-għajn) u bejn l-imnieħer u l-ħalq. Fuq l-għajn il-leminija kien hemm black eye oħra.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Frendo Dimech qalet ukoll li mhux talli Charlton Spiteri ma weriex diliġenza, izda malizjożament għamel offiża gravi fuq Emmanuele Axiaq.

B’hekk huwa ġiegħel lil Axiaq, jsofri u ġab fuqu uġigħ fiżiku mhux ġustifikabbli. Fl-istess waqt, meta Spiteri kellu l-kura u l-kustodja ta’ Axiaq, xjentement ġiegħel l-persuna ta’ Axiaq ssirilha ħsara w ipperikola ħajtu meta poġġieh f’sitwazzjoni li l-persuna jew is-saħħa tiegħu tkun fil-periklu.

Ingħad ukoll li dan kien anzjan pupletku li jieħu medikazzjoni ntiża biex traqqaq id-demm u għalhekk fejn ġrieħi jafu jkunu fatali.

Spiteri kien ben konxxju tal-istat fiżiku ta’ Axiaq, tad-diffikultajiet tiegħu, tal-problemi mediċi tiegħu. Madanakollu ma ddejjaq xejn jissoġġettah għall-iktar periklu.  Wara li nstab ħati tal-akkużi kollha miġhubin kontrih Spiteri ġie kkundannat ħames snin priġunerija.