Internazzjonali

Il-Ġermanja: Jitressqu l-qorti dwar il-qtil ta’ politiku li kien favur l-immigrazzjoni

Żewġ persuni tressqu l-qorti b’konnessjoni mal-qtil, sena ilu, tal-politiku Ġermaniż Walter Lubcke, li kien favur l-immigrazzjoni. Lubcke, li kellu 65 sena, f’Ġunju li għadda kien qala’ tiri f’rasu mill-viċin waqt i kien qiegħed fil-ġnien tad-dar tiegħu.

Raġel li jismu Stephan Ernst qed ikun akkużat bl-omiċidju ta’ Lubcke, waqt li suspettat ieħor, identifikat bħala Markus H, hu akkużat bħala kompliċi fir-reat.

F’każ li l-provi jirriżultaw validi, il-qtil ikun stabbilit bħala l-ewwel assassinar politiku mill-estremisti tal-lemin fil-Ġermanja mit-Tieni Gwerra ‘il hawn.

Lubcke kien imexxi lill-kunsill reġjonali fil-belt ta’ Kassel u kien magħruf l-aktar bħala sostenitur tas-sejħa tal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, fl-2015, biex pajjiżha jdaħħal ir-refuġjati.

Il-prosekuturi, intant, qalu li Ernst kien immotivat ‘bir-razziżmu u x-xenofobija’ meta wettaq ir-reat, bl-akkużat – li għall-bidu kien ammetta dwar il-qtil – issa qed jiċħad ir-rwol tiegħu fl-omiċidju.