Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq thedded kriżi ġdida, bil-komunisti jeqirdu uffiċċju għall-kuntatti inter-Koreani

Il-Peniżola Koreana għaddejja minn tensjoni akuta wara li l-Korea ta’ Fuq komunista tajjret uffiċċju li kien qed jintuża għall-kuntatti mal-Korea t’Isfel.

L-inċident, qrib l-belt ta’ Kaesong, jitqies bħala daqqa ta’ ħarta simbolika għall-isforzi lejn rikonċiljazzjoni bejn dawn iż-żewġ Stati u seħħ sigħat biss wara li l-Korea ta’ Fuq ħarġet mill-ġdid bit-theddid għal azzjoni militari mal-fruntiera li tissepara lill-Istati (Koreani) rivali.

L-uffiċċju meqrud kien infetaħ, fl-2018, biex jgħin lill-Korej – uffiċjalment fi stat ta’ gwerra – biex jikkomunikaw bejniethom. Intant il-kollegamenti bejn l-Istati kienu ilhom wieqfa minn Jannar minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19.

Min-naħa tagħha, il-Korea t’Isfel wissiet li għandha twieġeb ‘bil-qawwa kollha’ f’każ li l-Korea komunista tkompli tiggrava s-sitwazzjoni.

Il-kelliema f’Seoul qalu li l-qerda tal-uffiċċju għall-kuntatti bejn iż-żewġ Stati ‘kissret it-tamiet ta’ kulmin xtaq jara l-iżvilupp tar-relazzjonijiet inter-Koreani u l-paċi fil-Peniżola’. Dan waqt li l-Korea t’Isfel insistiet li ‘il-Korea komunista għandha ġġorr responsabbiltà għal din is-sitwazzjoni u kulma jiżviluppa ‘il quddiem’.

It-tensjoni bejn il-Korej ilha teskala l-ġimgħat wara li gruppi ta’ nies li qasmu mill-Korea ta’ Fuq għall-Korea t’Isfel bdew jibgħatu l-fuljetti u anki drones b’ messaġġi ta’ propaganda  ‘lejn l-artijiet kontrollati mill-komunisti’.

Iċ-ċirkustanzi laħqu fażi aktar delikata wara li Kim Yo-jong – oħt il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un – fi tmiem il-ġimgħa, ħarġet bit-theddida ‘li pajjiżha kellu jeqred l-Uffiċċju għall-Kuntatti bejn il-Korej’ u kif fil-fatt seħħ.

Kim Jong-un, ilu jmexxi lill-Korea ta’ Fuq bħala Mexxej Suprem mill-2011 u għalissa reġa’ qed iżomm profil baxx minkejja l-kriżi. Dan meta oħtu, meqjusa bħala t-tieni l-aktar persuna b’saħħitha fir-reġim ta’ Pyongyang, qed  tassumi dejjem aktar ir-rwol ta’ protagonista fil-politika ta’ pajjiżha.

Fl-istess ħin, Kim Yo-jong, fi tmiem il-ġimgħa, qalet biċ-ċar li pajjiżha qed jikkunsidra li jibgħat it-truppi lejn iz-zona demilitarizzata mal-fruntiera inter-Koreana.

Intant, it-Tmexxija militari tal-Korea ta’ Fuq kkonfermat li ‘tinsab lesta biex tibdel din iz-zona delikata fi speċi ta’ fortizza għall-komunisti’.