Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tordna biex jerġa’ jinstema’ xhud allegat vittma ta’ theddid f’każ ta’ Jordan Azzopardi

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja ordnat biex allegat vittma ta’ Jordan Azzopardi  jixhed quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, f’każ li għandu Jordan Azzopardi li fih kien ġie lliberat minn akkużi ta’ theddid u nsulti fil-konfront ta’ ċertu Stefano Muscat.

Azzopardi ta’ 31 sena kien ġie lliberat mill-ewwel Qorti minħabba li l-allegat vittma f’dan il-każ ma xehedx għax qal li ma kienx jiftakar xejn, minħabba dak li kien għadda minnu.

L-Avukat Ġenerali appella minn sentenza fil-konfront ta’ Jordan Azzopardi, li f’każ ieħor jinsab għaddej kumpilazzjoni mixli li mexxa organiżazzjoni ta’ traffikar ta’ droga.

Azzopardi kien illiberat minn akkużi li fil-31 ta’ Jannar 2017 għall-ħabta tal-10:15am, meta kien bil-vettura tiegħu f’San Ġorg, San Ġiljan,  insulenta jew hedded lil Stefano Muscat li ħebb għalih, u kkaġunalu ġrieħi ħfief , li kellu karozza mhux liċenzjata jew liċenzja temporanja.

Huwa ma nstabx ħat wkoll li saq vettura b’mod perikoluż iżda nstab ħati li saq vettura meta ma kienetx fis-seħħ polza tal-assikurazzjoni dwar ir-riskji ta’ terzi persuni u ġie mmultat €2,500.

Il-Prosekuzzjoni appellat minħabba l-fatt għall-mod kif xehed Stefano Muscat fejn dan wera li ma kienx jiftakar jew li ma ried jiftakar xejn fuq dan il-każ, u qieset li huwa kien qiegħed jirtira l-kawża tiegħu fir-rigward tal-akkużi.

L-Avukat Ġenerali qal li x-xiehda ta’ Stefano Muscat ma kienetx xiehda skont il-Liġi peress li beda jgħid li ma riedx jixgħed jew li ma riedx li huwa jiftakar x’kien seħħ.

Din ma kienetx xhieda li setgħet titqies li hija rinunzja fil-każ, li għandha tkun dejjem espressa, ċara u inekwivoka. Ix-xhud Stefano Muscat kien xhud konfuż u l-fatt  li ma riedx jiftakar skont l-Liġi, wieħed ma jistax joqgħod  fuq dak li stqarr Stefano Muscat daqslikieku kienet xiehda valida.

Għal dawn il-motivi l-Qorti qalet li kienet qed tħassar u tirrevoka s-sentenza appellata u tibgħata lura lill-Qorti tal-Maġistrati sabiex wara li tisma’ wkoll ix-xiehda ta’ Stefano Muscat bil-mezzi li ttiha l-Liġi, tiddeċiedi dwar l-akkużi migjuba kontra Jordan Azzopardi. Għal Azzopardi qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.