Internazzjonali

Ir-Russja: L-Amerikani rrabjati dwar l-arrest ta’ eks-morin ‘li mhux priġunier politiku’

L-Istati Uniti qed tesprimi rabja għall-kundanna ta’ Paul Whelan, eks-morin Amerikan, li spiċċa kundannat bħala spjun fir-Russja u li issa jrid jiskonta sittax-il sena ħabs f’dak il-pajjiż.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, kien fost l-ewwel uffiċjali f’Washington, li insistew għall-ħelsien immedjat  ta’ Whelan. Hu sostna li l-Istati Uniti ma taċċettax li l-eks morin jiskonta l-priġunerija ‘wara proċess tal-qorti sigriet, fost il-preżentazzjoni ta’ provi dubbjużi u mingħajr ma ngħata żmien xieraq lid-Difiża biex tispjega l-każ (tal-eks morin)’.

Paul Whelan kien arrestat f’Moska fl-2018 fejn instab fil-pussess ta’ USB drive li, skont l-uffiċjali tas-sigurtà Russi, ‘kien jinkludi s-sigrieti tal-Istat’.

Min-naħa tiegħu, Whelan qed jgħid li spiċċa vittma ta’ logħba qarrieqa u li l-proċess tal-qorti kien kollu ‘finta’, meta ħadd ma provdielu t-tradutturi biex jgħinuh jifhem il-proċeduri tal-każ.

Intant, qorti f’Moska, fil-bidu tal-ġimgħa, ikkundannat lil Whelan talli rċieva informazzjoni klassifikata – bl-avukati tal-eks morin se jappellaw mis-sentenza.

Sadanittant, kelliema għall-Kremlin f’Moska għamluha ċara li Whelan mhux ‘priġunier politiku’, fost suġġerimenti li l-Amerikan jista’ jintuża fi skambju ta’ priġunieri bejn l-Istati Uniti u r-Russja. Il-kelliema qed jindikaw li l-ħelsien ta’ Whelan qabel il-waqt jista’ ma jkunx possibbli ‘peress li hu weħel din is-sentenza wara li l-akkużi miġjuba kontra tiegħu kienu pruvati u aċċettati fil-qorti.

Paul Whelan kien issieħeb mal-morini Amerikani fl-1994 u kien għamel is-servizz militari fl-Iraq fl-2004 u l-2006. Whelan hu wkoll ċittadin ta’ erba’ pajjiżi – l-Istati Uniti, il-Kanada, ir-Renju Unit u r-Repubblika Irlandiża.

Ftit hemm dubju li ċ-ċirkustanzi tiegħu huma misterjużi meta hu jgħid li f’Diċembru tal-2018, kien qiegħed iħejji għal tieġ (fir-Russja) meta ħabib tiegħu żaru b’sorpriża u tah flash drive – b’Whelan jaħseb li dan kien fih ritratti li ttieħdu waqt vaganza. Mumenti wara, l-uffiċjali tas-sigurtà kienu daħlu fir-residenza tiegħu u arrestawh ‘talli kien fil-pussess tas-sigrieti tal-Istat’.

Wara l-verdett tat-Tnejn, il-familja ta’ Paul Whelan qalet li ‘kienet is-sistema legali tar-Russja li nstabet ħatja dwar inġustizzja’ u li ‘l-imħallfin Russi huma entitajiet politiċi u mhux legali’.