Formula 1 Sport Sport Ieħor

Irrid li n-netball ikun fuq il-mappa tal-isport lokali – Jose Borg, President tal-Malta Netball Association

Stewart Said

L-isport tan-netball mhux popolari daqshekk madwar id-dinja u f’pajjiżna mhux b’inqas. Dan ma jfissirx li ma tkunx għaddejja ħidma u anzi jsiru ħafna sagrifiċċji minn diversi amministraturi u plejers kif ukoll dawk li jagħtu kontribut il-logħba u ftit jidhru. Lejn tmiem Frar, il-Malta Netball Association kellha bidla fit-tmexxija hekk kif Jose Borg inħatar President wara r-riżenja ta’ Ċettina Gauci. Isem Jose Borg hu aktar magħruf fiċ-ċrieki tal-futbol.

F’nofs l-istaġun 2015/16 sar kowċ ta’ St. Andrews f’dik li kienet l-ewwel esperjenza tiegħu fil-Kampjonat Premier. F’dak l-istaġun għamel kważi l-impossibbli meta rnexxielu jsalva lit-tim fil-Kampjonat Premier, iżda f’Ottubru tal-2016 tneħħa mill-kariga. Wara esperjenza ma’ Pietà Hotspurs bħala assistent kowċ u kowċ tat-tim ta’ taħt id-19-il sena, mexxa lil Tarxien Rainbows għal żewġ staġuni. F’nofs l-istaġun li għadda, sar kowċ ta’ Marsa u għenhom biex jirbħu l-promozzjoni għall-Ewwel Diviżjoni, fi staġun li ma spiċċax kollu minħabba l-Covid-19.

Id-deċiżjoni dwar il-kampjonati

Proprju l-Covid-19 wassal biex Jose Borg flimkien mal-Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni kellhom jieħdu l-ewwel deċiżjoni, dik ta’ x’se jsir mill-kampjonati. F’pajjiżna hawn 14-il tim tan-netball, sebgħa fl-Ewwel Diviżjoni u sebgħa fit-Tieni Diviżjoni, minbarra sebgħa oħra fil-kampjonat ta’ taħt is-17-il sena.

Madwar tliet ġimgħat ilu ttieħdu d-deċiżjonijiet. L-Assoċjazzjoni kkonfermat li l-maġġoranza tat-timijiet għażlu li jikkonkludu l-kampjonat skont ir-riżultati tal-ewwel rawnd. Dan filwaqt li l-aħħar tim fl-Ewwel Diviżjoni ġie relegat u l-ewwel tim mit-Tieni Diviżjoni ġie promoss. Silverbacks ġew iddikjarati rebbieħa tal-Ewwel Diviżjoni, Mellieħa SC rebħu t-Tieni Diviżjoni filwaqt li Strikers NFun rebħu l-kampjonat ta’ taħt is-17-il sena. Il-kampjonati normalment jintlagħbu fuq 12-il logħba, jiġifieri li t-timijiet jilagħbu darbtejn kontra xulxin.

Silverbacks rebħu l-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni

L-involviment fin-netball u l-istruttura

L-interess ta’ Borg fin-netball beda minħabba xi ħbieb tiegħu li kienu jilagħbu dan l-isport. Fil-passat, Jose Borg kien involut fil-futbol tan-nisa u għalhekk mhix l-ewwel esperjenza tiegħu fi sport milgħub min-nisa. Wara li kien hemm post vakanti, kien qed jitkellem ma’ xi nies involuti fin-netball u ħeġġewh biex jieħu rwol amministrattiv, jiġifieri dak ta’ President. Il-ħatra tiegħu nisslet ukoll entużjażmu fil-kamp tan-netball hekk kif anki qed ikunu aktar attivi fuq il-media soċjali permezz tal-persuna responsabbli mir-Relazzjonijiet Pubbliċi.

Fl-Eżekuttiv tal-Malta Netball Association hemm seba’ persuni, kollha bix-xogħol tagħhom. Hemm min jieħu ħsieb il-finanzi, il-kampjonati filwaqt li nħoloq rwol ġdid dak tal-iżvilupp taż-żgħażagħ. Dan minbarra sotto-kumitati oħra. In-netball f’pajjiżna jiġbor madwar 250 membru, bil-klabbs jitħarrġu l-Marsa, Ħad-Dingli, Ħal Tarxien u Ħal Kirkop, post li anki jintlagħbu l-logħbiet tal-kampjonat. Il-plejers prattikament iħallsu biex jilagħbu u għalhekk is-sens ta’ volontarjat u b’saħħtu f’dan l-isport.

L-ewwel xhur ta’ ħidma

Għalkemm is-sitwazzjoni tal-coronavirus f’pajjiżna ħarbat kważi lil kulħadd, Jose Borg iqis dan il-perjodu bħala importanti għalih fit-tmun tal-assoċjazzjoni. “Il-Covid kien ta’ għajnuna għaliex żdied il-kuntatt bejn il-persuni tal-Eżekuttiv.” Il-Malta Netball Association lanqas għandha uffiċju fejn il-Membri tal-Eżekuttiv jistgħu jiltaqgħu iżda f’dan il-perjodu ltaqgħu b’mod virtwali kull ġimgħa, fattur ieħor tal-Covid li serva b’mod pożittiv għalihom.

Borg sab ħafna xogħol amministrattiv quddiemu kif ukoll kontijiet pendenti. F’dan il-perjodu ta’ ftit aktar minn tliet xhur, beda jibni relazzjonijiet b’saħħithom ma’ Netball Europe fejn anki kien attiv fil-laqgħat virtwali li saru. Ukoll fl-ewwel xhur tiegħu, Jose Borg kellu l-opportunità li l-ewwel jiltaqa’ mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Robert Cutajar u wara ltaqa’ mas-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima. Dan biex jagħti viżibbiltà lin-netball f’pajjiżna filwaqt li juri li hemm tmexxija ġdida li lesta tgħin fl-iżvilupp tal-isport.

L-Assoċjazzjoni ma għandix sponsors u minħabba l-esperjenza fix-xogħol tiegħu, Borg se jkun qed jgħin f’dan l-aspett ukoll bl-għan li jżid l-introjtu tal-assoċjazzjoni. F’dawn ix-xhur tal-coronavirus, il-Malta Netball Association seta’ kellha dħul importanti hekk kif bejn Marzu u Mejju kienu ġejjin 32 tim minn skejjel barranin għal kamp ta’ taħriġ, b’ħidma ma’ aġenziji barranin.

Dan minbarra li kienu se jilagħbu partiti ta’ ħbiberija kontra klabbs Maltin. Iżda l-Covid-19 wassal biex dan id-dħul finanzjarju ma seħħx filwaqt li l-klabbs Maltin ma ħadux esperjenza ta’ logħob kontra avversarji differenti. Jose Borg jittama li l-entużjażmu li nissel fl-ewwel xhur tiegħu bħala President, jgħin biex isiru l-bidliet meħtieġa u n-netball itejjeb il-livell tiegħu. “It-tim kollu qed jaħdem, qed noħolqu website ġdida, qed inkunu aktar attivi fuq il-media soċjali u hemm ħafna nies dedikati anki fil-klabbs.”

Il-prijoritajiet għal Jose Borg fin-netball

Minbarra d-deċiżjonijiet dwar il-kampjonat u laqgħat oħra, bħala President tal-MNA, Jose Borg qed jippjana għall-futur tal-isport. It-terminu proviżorju tiegħu jiskadi f’Settembru li ġej u jekk ikun konfermat, għandu tliet snin ta’ ħidma quddiemu. Bl-aktar mod deċiż, Jose Borg qalli “irrid inġib in-netball fuq il-mappa tal-isport,” dikjarazzjoni ċara u skjetta li sar President mhux biex isaħħan is-siġġu iżda biex ixammar il-kmiem u jaħdem.

Hu tkellem dwar il-ħsieb li b’kollaborazzjoni ma’ Netball Europe, f’Malta jiġi organizzat kors tal-kowċis hekk kif bħalissa lanqas jeżisti kowċ kwalifikat. L-istess pjan hu dwar l-umpires tal-logħba. Fil-preżent hawn disa’ umpires b’liċenzja Ċ u b’ħidma ma’ Netball Europe, l-għan hu li jsir kors biex dawn l-uffiċjali tal-logħba jtejbu l-kwalifiki tagħhom.

Aspett ieħor li Jose Borg flimkien mal-Eżekuttiv irid itejjeb hu l-parteċipazzjoni tat-tim nazzjonali. Bħalissa hu biss t-tim nazzjonali taż-żgħażagħ li hu attiv. Hu jixtieq li jsiru tournaments internazzjonali kemm tat-tim nazzjonali kif ukoll tal-klabbs għaliex għandu l-filosofija li l-livell jogħla meta l-plejers jilagħbu kontra avversarji barranin li jkunu ta’ livell għola.