Lokali Qorti

Kumpens ta’ €32,000 fuq teħid ta’ propjetà fiż-Żejtun biex tinbena skola

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale ordnat lill-Awtorità tal-Ippjanar u l-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jagħti kumpens ta’ €32,000 lill-familja Degorgio li ttieħditilhom propjetà fiż-Żejtun biex tinbena skola.

Dan il-każ imur lura 32 sena, fejn parti minn propjetà ittieħdet biex tinbena skola u anke triq. Il-Qorti fis-sentenza tagħha ddikjarat li t-teħid tal-pussess tal-art mill-1 ta’ Lulju 1986 mingħajr ma ngħataw kumpens ġust u xieraq kif trid il-liġi jmur kontra d-drittijiet fondamentali tagħhom skont il-Konvenzjoni Ewropea.

Jirriżulta, mill-provi l-art kienet tifforma parti minn art akbar, propjetà tal-familja Degiorgio u li din ittieħdet lilhom sabiex tinbena skola ġewwa iż-Żejtun kif ukoll toroq adjaċenti.

Jirriżulta, li beda jsir żvilupp mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni ġewwa s-sit meħud fl-1 ta’ Lulju 1986.  Jirriżulta ċar, għalhekk, li l-art kienet ġiet esproprijata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex tinbena skola pubblika fiha, li ċertament għandu jitqies bħala ta’ skop pubbliku.  

Madankollu kull persuna għandha dritt għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tagħha. Ħadd ma għandu jiġi ipprivat mill-possedimenti tiegħu ħlief fl-interess pubbliku u bla ħsara tal-kundizzjonijiet provduti bil-liġi u bil-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali.

Il-Qorti qalet li f’dan il-każ, ma jista’ jkun hemm ebda dubju illi s-sidien tal-propjetà ma baqgħux igawdu l-porzjon tagħhom tal-art, anke jekk tali art kienet għall-interess pubbliku.

Il-Qorti qalet li tosserva wkoll illi ma jista’ jkun hemm ebda dubju illi, bejn is-sena 1986 u s-sena 2018, għaddew 32 sena, u l-familja Degiorgio qatt ma ngħataw xi forma ta’ kumpens għat-teħid ta’ tali art, u qatt ma ngħataw l-possibbiltà illi jikkontestaw kull kumpens li seta’ ingħata.      

Tenna li għall-espropriju kien offrut kumpens għall-valur ta’ l-art fil-valur ta’ €15,000 minn naħa tal-awtoritajiet.  Jirriżulta, li xogħolijiet fuq l-art bdew fl-1 ta’ Lulju 1986, u għalhekk jista’ faċilment jitqies illi rs-sidien ġew tneħħew mill-pusses tal-art fis-sena 1986.

Jirriżulta wkoll, li waqt din il-kawża, fit-12 ta’ Jannar 2018, l-art ġiet finalment esproprijata u dana permezz ta’ Dikjarazzjoni tal-Awtorita’ tal-Artijiet ppubblikata dakinhar stess.

Il-Qorti qalet li l-kumpens xieraq li għandha tagħti f`dan il-każ ikun fl-ammont €25,000. Hija kkunsidrat id-dewmien li jiġu meħuda l-proċeduri opportuni, fejn is-sidien ilhom privati mit-tgawdija tal-proprjetà tagħhom mingħajr ma ngħata ebda kumpens.

Il-Qorti, qalet li temmen illi huwa fl-aħjar interess tal-Ġustizzja u tal-partijiet kollha, illi jkun hemm regola ċara u sempliċi li abbażi tagħha, wara li tkun qieset li l-elementi kollha, tasal biex tiffissa l-kumpens, u tħoss illi tali regola għandha tkun ta’ kumpens ekwivalenti għall-€1,000 għal kull sena illi fiha tali leżjoni kienet ikkawżata.

Tali somma ċertament tinkorpora fiha l-element punittiv fuq min jonqos mid-drittijiet tiegħu, l-element eżemplari fejn jidher ċar u inekwivoku l-konsegwenza ta’ tali nuqqas u, finalment, l-element effettiv, fejn min sofra jingħata kumpens effettiv u mistħoqq.  

Il-familja Degiorgio kienet preżentat rikors dwar dan f’Novembru tal-2016 fejn huma qalu li huma sidien ta’ biċċa art fiż-Żejtun u li llum din tifforma parti minn Triq Antonio Micallef, liema art kienet sar kuntratt fuqha minn-Nutar George Bonello Dupuis.

Oriġinarjament kien Joseph Degorgio li għamel it-talba għall-kumpens u wara li miet it-tfal komplew bil-każ tagħhom. Huwa kellu sehem ta’ 5/6 ta’ porzjon ta’ art fabbrikabbli fejn kien iffirma kuntratt fuqha fl-24 ta’ Diċembru tal-1968.

Joseph Degorgio kien miet fit-13 ta’ Lulju, 1984 u ħalla sehem ta’ kwart minn dawn l-assi tiegħu u l-użufrutt fuq tliet kwarti lil martu u wliedu bħala eredi. Numru ta’ snin ilu fuq din il-propjetà saret triq minkejja diversi oġġezzjonijiet u qatt ma sar proċess ta’ espropjazzjoni tagħha.

Għaldaqstant kien qed jingħad mill-partijiet li dan kien att abbużiv u llegali skont id-drittijiet tal-propjeta skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fondamentali tal-Bniedem. Sadanittant fl-istess żmien ittieħdet propjetà oħra tal-familja Degiorgio u minkejja li din ġiet espropjata, l-parti l-oħra baqgħet mhux espropjata.

Għaldaqstant satet talba lill-Qorti biex tiddikjara li t-teħid tal-art mingħajr kumpens tmur kontra d-dritt fundamentali tagħhom. Il-porzjon tal-art hija ta’ 55 metru kwadru, kienet ittieħdet mill-Gvern u skont kif ingħad f’ittra mill-Head Capitals Projects tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, datata 18 ta’ Ġunju 1997, xogħol taż kostruzzjoni fis-sit kien beda fl-1 ta’ Lulju 1986.

Għalhekk jirriżulta li din l-art ma baqgħetx f’idejn is-sidien tagħha, iżda ttieħdet mill-Gvern għal żvilupp ta’ skola fiż-Żejtun. Din tinkludi triq li hemm biswit l-iskola u li kienet ġiet esropjata mill-Gvern fejn dan kien kiteb lis-sidien u offrielhom €15,000, u mexxew xorta iżda kontra l-Kummissarju tal-Artijiet u l-Ministeru tal-Edukazzjoni…