Lokali

L-entużjażmu u l-ideat taż-żgħażagħ rridu nsarrfuhom f’futur aħjar għal pajjiżna

F’laqgħa virtwali mal-fergħa taż-żgħażagħ tal-PN Team Start, il-Kap tal-PN Adrian Delia ddiskuta magħhom kif l-imxija tal-COVID-19 affettwat ħajjet iż-żgħażagħ b’modi differenti. Fil-qasam tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ spjegaw kif l-COVID-19 biddlet kollox mil-lejl għan-nhar.

Spjegaw kif din l-imxija waslet għal ħafna stress fost l-istudenti, li għal tul ta’ żmien ma kienux infurmati dwar x’se jsir mill-eżamijiet li kellhom jagħmlu u dwar kif għadhom mhux infurmati dwar kif is-sillabu li ma sarx matul din is-sena skolastika se jlaħħqu jagħmluh matul is-sena d-dieħla.

Studenti tal-MCAST ilmentaw kif xogħol ta’ prattika li kellhom jagħmlu din is-sena se jkollu jitħalla għas-sena d-dieħla. Dan kollu kompla jżid mal-istress li s-sistema edukattiva diġà ġġib magħha, liema sistema edukattiva ġiet deskritta mill-istudenti bħala waħda li ma tindirizzax l-life skills li għandhom bżonn iżda tiffoka wisq fuq l-aspett tal-memorja.

Iż-żgħażagħ preżenti għal din il-laqgħa ilmentaw kif dan kollu qed iwassal għal detriment fuq is-saħħa mentali tagħhom, xi ħaġa li l-awtoritajiet mhux jindirizzawha biżżejjed. Mhux qed isir biżżejjed tagħlim fost l-istudenti dwar kif wieħed għandu jieħu ħsieb s-saħħa mentali tiegħu, anzi qed jintefa’ dejjem aktar stress fuqhom permezz ta’ sistema li tipprijoritizza l-eżamijiet fuq l-għarfien veru tat-tagħlim.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia tkellem ukoll maż-żgħażagħ dwar l-aspett tax-xogħol; kif il-COVID-19 affetwat liż-żgħażagħ li jaħdmu. Numru kbir ta’ żgħażagħ studenti jfittxu impjieg temporanju matul is-sajf; uħud anke biex isostnu l-familja tagħhom li jkollha bżonn spalla oħra biex tlaħħaq mal-ħajja. L-imxija tal-COVID-19 affettwat ukoll lil dawn hekk kif l-impjiegi għaż-żgħżagħ għal matul is-sajf issa naqsu drastikament, partikolarment fil-qasam tal-ospitalità u t-turiżmu.

Adrian Delia, filwaqt li rringrazzja liż-żgħażagħ tal-kontribut tagħhom, saħaq dwar l-importanza li dawn iż-żgħażagħ jinvolvu aktar rwieħhom fil-Partit Nazzjonalista, anke fuq l-mezzi tax-xandir tiegħu. Delia qal li dan huwa aktar essenzjali fid-dawl tar-riforma li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista sabiex jinkludi aktar żgħażagħ fl-oqsma kollha tal-PN.

Għal din il-laqgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Whip u Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport tul Ħajjitna, l-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Robert Cutajar u l-President ta’ Team Start Thomas De Martino.