Wara 24 jum mingħajr każ wieħed ta’ Covid-19, New Zealand reġa’ kellu żewġ każi ta’ persuni li rriżultaw pozittiv.
Dawn kienu żewġ nisa mill-istess familja li ġew b’titjira mir-Renju Unit. Minkejja li ilu iktar minn tliet ġimgħat mingħajr każ ġdid, l-awtoritajiet fi New Zealand żammew l-ajruporti magħluqa ħlief għal ripatrijazzjoni u ħaddiema essenzjali iżda għamlu eċċezzjoni fuq bażi umanitarja u ħallew lil dawn iż-żewġ nisa jidħlu fil-pajjiż biex iżuru qarib li kien qed imut.
Minn informazzjoni mogħtija mid-Direttur Ġenerali għas-saħħa pubblika fi New Zealand, iż-żewġ nisa daħlu fil-pajjiż fis-7 ta’ Ġunju u qagħdu taħt kwarantina f’lukanda f’Auckland. Fit-12 ta’ Ġunju, ingħataw permess biex jaraw il-qarib tagħhom li kien fil-kapitali Wellington, liema qarib miet iktar tard dakinhar stess. Il-vjaġġ sar f’vettura privata u qagħdu fir-residenza ta’ membru ieħor tal-familja li issa jinsab ukoll taħt kwarantina.
Mit-8 ta’ Ġunju ‘l hawn, kulmin jasal fi New Zealand jiġi testjat għall-Covid-19 u jridu jqattgħu 14-il jum f’iżolament jew kwarantina.
//= $special ?>