Formula 1 Sport

Possibbiltà tat-tieni tellieqa fl-Italja għal dan l-istaġun tal-Formula 1

(Ritratt: EPA)

Il-Formula 1 qed tesplora l-possibbiltà li ċ-ċirkwit ta’ Mugello fl-Italja itawwal l-istaġun Ewropew. It-tmexxija mistennija tħabbar il-kumplament tal-kalendarju aġġornat qabel jibda l-istaġun fl-Awstrija fil-bidu ta’ Lulju. Iċ-ċirkwit ta’ Mugello li hu proprjetà ta’ Ferrari, qatt ma organizza Grand Prix tal-Formula 1 iżda jeżisti ċ-ċans li jidħol fil-kalendarju wara l-Grand Prix tal-Italja li se jsir fis-6 ta’ Settembru, l-aħħar tellieqa li tħabbret sa issa.

Ċirkwiti oħra bħal Portimao fil-Portugall, Hockenheim fil-Ġermanja u Imola f’San Marino qed jissemmew bħala ċirkwiti oħra li jistgħu jorganizzaw Grand Prix. Iċ-ċirkwit ta’ Imola kien l-aħħar fil-Formula 1 fl-2006 filwaqt li ta’ Portimao qatt ma kien fil-kalendarju. Sa issa seba’ avvenimenti mill-kalendarju oriġinali ġew ikkanċellati. Dawn huma t-tlielaq fl-Awstralja, l-Olanda, l-Ażerbajġan, Monaco, Franza, Singapore u l-Ġappun.

Minħabba d-dubju dwar il-possibbiltà li jsiru tlielaq fil-kontinenti tal-Asja u l-Amerika, qed tiġi kkunsidrata wkoll l-possibbiltà ta’ żewġ tlielaq fir-Russja. It-tmexxija tal-Formula 1 għadha kunfidenti li tista’ tgħaqqad bejn 15 u 18-il Grand Prix għal dan l-istaġun, bil-ħsieb hu li l-istaġun jintemm f’Abu Dhabi f’Diċembru.