Lokali Qorti

Raġel bi problema ta’ droga akkużat li seraq żewġ batteriji jitlob bil-ħniena għall-għajnuna

Raġel bi problema ta’ droga akkużat li seraq żewġ batteriji tal-karozzi, u li b’mod volontarju ta lilu nnifsu f’idejn il-Pulizija dak inhar stess, inżamm taħt arrest preventiv.

Ir-raġel, li ismu ma jistax jiġi ppubblikat fuq ordni tal-Qorti, ġie akkużat li seraq żewġ batteriji kbar li kienu qed jinżammu f’vann Isużu f’Santa Venera.

Huwa kien mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-probation tiegħu. Il-Prosekuzzjoni qalet li, wara li rċeviet rapport tas-serqa fl-14 ta’ Ġunju, il-Pulizija identifikat lill-akkużat bħala l-awtur permezz ta’ filmati tas-CCTV.

Sussegwentement għamlu tfittxija fir-residenza fejn huwa jgħix ma’ ommu, iżda ma sabuhx hemm. Dik l-istess filgħaxija, r-raġel mar fl-Għassa tal-Pulizija bil-batteriji.

L-akkużat, b’mod ċar u emozzjonat u bid-dmugħ nieżel, qal fil-Qorti li ammetta li kien għamel ħażin u li xtaq jirċievi l-għanuna minħabba l-problema tad-droga.

Huwa wieġeb mhux ħati u l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest ma saret. Id-difiża talbet il-projbizzjoni tal-isem tar-raġel fid-dawl tal-fartt li huwa kien suwiċidali.

Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx, bil-Qorti tilqa’ t-talba. Ir-raġel inżamm taħt arrest preventiv. Il-Maġistrat Nadine Laia ppresediet il-każ. L-Avukat Graziella Tanti deheret bħala avukat tal-għajnuna legali. L-Ispettur Wayne Camilleri mexxa l-Prosekuzzjoni.