Raġel ta’ 45 sena mill-Ghana u residenti Ħal Qormi kellu jittieħed l-Isptar b’urġenza wara li kien involut f’argument f’residenza.
Stqarrija tal-Pulizija tgħid li għall-ħabta tad-9p.m. tal-bieraħ, daħlet persuna mimlija dmija fl-għassa ta’ Ħal Qormi u talbet għall-għajnuna. Ir-raġel ittieħed l-Isptar għal iktar kura filwaqt li l-Pulizija marret fir-residenza fi Triq il-Kanun fejn seħħ l-argument.
Hemmhekk il-Pulizija sabet raġel ieħor mill-Ghana ta’ 36 sena li allegatament ta daqqiet bi strument li jaqta’ u bil-ponta lill-vittma. Hu kien arrestat fil-pront u qed jinżamm fil-lock up tal-Pulizija għal iktar stħarriġ.
Iktar tard ir-raġel li qala’ d-daqqiet kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt. Il-Pulizija qed tinvestiga filwaqt li nfetħet inkjesta maġisterjali dwar dan il-każ.
//= $special ?>