Lokali Parlament

Robert Abela dgħajjef quddiem Chris Cardona

Jason Azzopardi, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-Prim Ministru Robert Abela hu dgħajjef quddiem id-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona u mhux kapaċi jekċċieh.

Fl-Aġġornament tal-parlament Jason Azzopardi fakkar l-anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u qla li l-aħbarijiet li ħerġin mill-qorti huma xokkanti. Hu sostna li għad fadal iktar x’joħroġ; u dan se jkun iktar gravi u serji minn dak li hu magħruf s’issa.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Ispeaker li ma tintlaqax il-proposta tal-Kap tal-PN biex sala fil-parlament tissemma’ għal Daphne Caruana Galizia kif ġara fil-parlament Ewropew. Hu qal li din kienet opportunità mitlufa għaliex kienet tkun opportunità xierqa u dinjituża propju meta l-pajjiż qed jassisti għal każ magħġun mal-politiċi korrotti biex tinqatel ġurnalista li nqatlet għax kienet se tikxef storja ta’ korruzzjoni kbira ħafna.

Jason Aszzopardi kompla li d-deċiżjoni li tinqatel Daphne Caruana Galizia iddeterminat li Joseph Muscat isejjaħ elezzjoni ferm qabel żmienha. Il-pubbliku se jkun jaf li meta l-elezzjoni ssejħet fl-1 ta’ Mejju 2017 kien hemm numru ta’ persuni li f’Diċembru 2016 kienu jafu li se tissejjaħ elezzjoni bikrija. Dawn huma persuni midħla tal-kriminalità organizzata.

Il-Prim Ministru Robert Abela mhux kapaċi jkeċċi lil Chris Cardona mnn Deputat Mexxej tal-PL. Fejn ried Robert Abela keċċa nies iżda lil Chris Cardona jipprendih; jew għax jaf fejn kapaċi jasal Chris Cardona jew għax jaf li Chris Cardona jaf xi ħaġa fuqu. Il-Prim Ministru m’għandux l-awtorità jkeċċi lil Deputat Mexxej li ssemma’ li għadda fflus biex inqatlet Daphne Caruana Galizia.

Joseph Muscat keċċa b’mod diżonest lil Anġlu Farrugia minn Deputat Mexxej tal-PL meta fil-fatt hu integru u onest u qatt ma kien involut ma’ stejjer li jersqu lejn id-drenaġġ li fih qed jissemma’ Chris Cardona. Cardona issemma’ fil-Kabinet f’Novembru u fil-briefing li sar f’Jannar, sostna Jason Azzopardi, li kompla li Robert Abela jibża’ minnu. Chris Cardona hu viċin dawk li jagħmlu l-bullying u huma fil-kriminalità, sostna Jason Azzopardi, li kompla li Cardona ħallas il-flus biex tinqatel ġurnalista.