Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal raġel mill-Moldova fuq serq ta’ mobile

Żagħażugħ ta’ 22 sena mill-Moldova, Victor Rusu, residenti San Pawl il-Baħar, ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li seraq telefon ċellulari nhar it-Tnejn, 15 ta’ Ġunju. Huwa ammetta wkoll li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-pulizija.

Il-Qorti semgħet kif Rusu, li jaħdem fil-kostruzzjoni, ilu f’Malta għal dawn l-aħħar tliet snin, u ma kellu l-ebda problemi preċedenti mal-liġi. Fil-lejl tal-inċident, Rusu kien ilu barra jixrob, u kien xurban meta seraq il-mobile.

Il-Prosekuzzjoni qalet li Rusu rritorna l-apparat tal-mobile li għadu għal kollox funzjonabbli, iżda li d-data tiegħu kienet imħassra u l-SIM card imneħħija.

Id-difiża talbet lill-Qorti biex tikkunsidra l-fatt li l-akkużat kellu rekord kriminali nadif, u li kien irritorna l-apparat u ammetta li kien għamel żball.
Barra minn hekk id-difiża talbet li l-akkużat jingħata sentenza sospiża, li l-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għaliha.

Wara li kkunsidrat l-argumenti miż-żewġ naħat, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, ikkundannat lil Rusu għal tliet xhur ħabs, sospiżi għal disa’ xhur.

Il-Maġistrat spjegat wkoll lill-akkużat bl-implikazzjonijiet tas-sentenza sospiża tiegħu, u l-konsegwenzi li jista’ jiffaċċja jekk iwettaq reat ieħor matul il-perjodu ta’ sospensjoni. L-avukati Shazoo Ghaznavi u Christian Muscat kienu avukati tad-difiża.