Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li żarma BMW misruqa għall-parts biex jagħmel qliegħ

Mekkanik ta’ 34 sena miż-Żurrieq magħruf bħala “Il-Ħasi” ġie kkundannat 20 xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati li f’April tas-sena l-oħra żarma karozza BMW 5 Series, biex minnha jieħu l-parts u li kienet insterqet mill-parkeġġ Park and Ride tal-Marsa, biex jagħmel qliegħ minn fuqha.

Charlot Pace nstab ħati mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa bl-iskop biex ibiegħhom. Huwa pero ma nstabx ħati li sar reċediv. Il-vittma Pauline Ellul spjegat fil-Qorti li kienet ħalliet il-BMW fil-Park and Ride tal-Marsa u meta marret għaliha ma sabitix hemm.

Il-każ kien solvut meta ħabib tagħha kien mar jixtri il-parts ghall-karozza tiegħu minn garaxx ta’ Pace u hemm kien raha l-BMW tagħha u nduna ta’ min kien u li kien misruq.

Huwa ċemplilha u meta marret fuq il-post, sabet il-karozza żarmata. Wara li l-vittma kellmitu u ġiegħlitu jgħidilha minn fejn ġabha, qalilha li kien ġabha mingħand xi ħadd jismu Owen u li kien partata ma’ karozza Peugeot

Qalet li 11-il sena qabel insterqet kienet xtrat il-karozza għas-somma Lm20,000 u kienet ħallset madwar €49,000 lid-dealer u kienet ghada qed tħallasha. Meta tkellmet ma’ Pace irrimarkat miegħu li l-vettura kienet ghada prattikament gdida fis-sens li l-mileage huwa baxx.

L-Ispettur Roderick Agius li nvestiga l-każ qal li l-vittma kienet għamlet rapport fl-għassa Ħal-Qormi fuq is-serqa fejn stqarret illi 15 il-ġurnata wara kienet marret fejn ħalliet il-karozza, ma kinitx sabitha.

Qal li l-pulizija analizzat is-sistema tas-CCTV biex tara x’sar minnha u sar magħruf li din il-vettura kellha l-liċenzja tagħha skaduta u ma kienx qed isir użu minnha.

Qal li meta marret l-għassa ta’ Ħal Qormi Ellul stqarret illi l-vettura tagħha kienet tinsab f’garaxx fiż-Żurrieq u qalet illi l-garaxx huwa propjetà taż ċertu Charlot Falzon.

Qalet ukoll li l-BMW tagħha kienet diġà bdiet titqatta’ u kien hemm diversi parts illi kienu jidhru nieqsa. Surġent tal-Pulizija kien mar fil-garaxx ta’ Falzon fejn irriżulta illi din spiċċat fil-pussess tiegħu meta ċertu Owen Camilleri kien ħadhielu u qablu li kienu se jpartu l-BMW ma’ vettura oħra tal-għamla Peugeot.

Il-vittma u l-imputat kienu waslu fi ftehim li kien ser jerġa’ jarma din il-BMW fl-istat oriġinali tagħha u kien ser jirritornaha lura. Biss, wara li għadda ftit taż-żmien ma kienx sar progress u għalhekk il-pulizija marru fuq il-post u tkellmu ma’ Charlot Falzon.

Il-vettura ttieħdet mill-garaxx tiegħu għall-garaxx tal-Pulizija f’St. Andrew’s sabiex issir investigazzjoni. Falzon kien spjega mal-pulizija li kien avviċinah Owen Camilleri fejn kien qallu li kellu BMW 5 Series u waslu fi ftehim biex ipartathielu ma’ Peugeot 406 minħabba l-fatt li Falzon kien jaħdem ukoll il-karozzi tal-għamla BMW.

Waqt l-istqarrija l-imputat qal li kellu problema sabiex iżomm il-BMW minħabba li l-garaxx kien mimli u kien hu flimkien ma’ Owen Camilleri kienu qed iqattgħu din il-vettura sabiex jinnegozja l-parts tagħha.

Dwar il-BMW, Owen Camilleri kien qallu li peress li kellu licenzja gholja, staqsieh biex jiskrappjah u staqsieh kienx lest ipartu ma Peugot 406 u hu accetta. Kien Camilleri li ha l-BMW ghandu migbud.

Sid il-garaxx Charlot Falzon qal lill-Pulizija li kien xtara l-BMW bil-prezz ta’ madwar Lm3,000 mingħand wieħed magħruf bħala “Il-Kamillu”, li wara irriżulta kien Owen Camilleri, u qal kien qalilna li kien ġabulu b’tow truck vann żgħir xi erbat ijiem qabel. Għall-akkużat deher l-avukat Alfred Abela filwaqt li għall-vittma deheru l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.