Futbol Sport

Tintemm l-esperjenza ta’ Mark Miller bħala kowċ ta’ Mosta

(Ritratt: Joseph Galea)

L-esperjenza ta’ Mark Miller bħala kowċ ta’ Mosta damet anqas minn żewġ staġuni, bl-eks gowlkiper ta’ Hibernians Mario Muscat mistenni jinħatar fil-kariga minfloku. Miller sar kowċ ta’ Mosta f’Novembru tal-2018 u wassal lil Mosta sad-disa’ post f’dak l-istaġun b’29 punt. Fl-istaġun li ntemm kmieni minħabba l-Covid-19, Mosta kklassifikaw fit-tmien post bi 28 punt meta kien għad fadal sitt logħbiet biex jintemm il-kampjonat.

Il-kowċ Ingliż hu wieħed mill-aktar ta’ esperjenza fil-futbol lokali b’karriera ta’ kważi 30 sena. Bħala plejer/kowċ għen lil Floriana jirbħu l-kampjonat fl-istaġun 1992/93 filwaqt li fl-istaġun 1995/96 għamel l-istess ma’ Sliema Wanderers flimkien ma’ Johnnie Calleja.

Wara esperjenza bħala kowċ ta’ Hiberninans, Miller ingħaqad fis-settur tekniku tal-MFA bħala kowċ ta’ taħt is-17, id-19 u l-21 sena. Fl-2008 irritorna ma’ Hibernians u mexxa lill-Pawlisti għar-rebħ tal-kampjonat. Fl-2012 sar kowċ ta’ Valletta u fit-tieni u l-aħħar staġun mal-Beltin, rebaħ il-kampjonat wara li fit-tim daħal Andrè Paus.

Miller ħalla pajjiżna għal ftit xhur u rritorna biex mexxa lil Qormi fl-aħħar parti tal-istaġun 2014/15. Il-kowċ ta’ 57 sena reġa’ sar kowċ ta’ Hibernians għat-tielet darba fis-sajf tal-2016 u mexxihom għar-rebħ tal-kampjonat f’dak l-istaġun. Hu tkeċċa f’Marzu tal-2018 u f’Novembru tal-istess sena nħatar is-suċċessur ta’ Enrico Piccioni ma’ Mosta.