Sport Sport Ieħor

Żagħżugħa Franċiża tmut waqt sessjoni ta’ taħriġ tal-free climbing

Traġedja fl-isport tal-free climbing – dixxiplina ġdida fil-programm ta’ logħob għall-Olimpjadi ta’ Tokyo. Luce Douady – atleta ta’ 16-il sena meqjusa bħala waħda mill-aktar li jippromettu f’dan l-isport u membru tat-tim nazzjonali ta’ Franza.

Douady mietet waqt sessjoni ta’ taħriġ fil-miftuħ f’Luisset fir-Regjun ta’ Isere. Jidher li hija waqgħet minn għoli ta’ 150 metru fejn mietet fil-post. Id-Direttur Tekniku tal-Federazzjoni Franċiża Pierre Henri Paillason, ikkummenta li Douady kienet waħda mill-atleti l-aktar promettenti.

Hija kienet reġistrata mal-klabb Chambery Escalade. Sena ilu fl-età ta’ 15-il sena, rebħet il-Kampjonati tad-Dinja taż-Żgħażagħ u immedjatament wara, għamlet id-debutt fit-Tazza tad-Dinja tal-Federazzjoni Internazzjonali f’Vail, fl-Istati Uniti. Bil-ħames post miksub fit-Tazza tad-Dinja, l-għan tagħha kien li tkun fost il-protagonisti fl-Olimpjadi ta’ Tokyo.