Lokali

“Żrajna ż-żerriegħa u l-Partit Nazzjonalista jissaħħaħ jekk jindukraha” – Louis Galea

“DAN HUWA BISS IL-BIDU TA’ X’IRRIDU NWETTQU FIR-REALTÀ

Hekk beda l-ispjega tiegħu dwar xi jfisser l-abbozz tal-Istatut il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Louis Galea, li sena ilu ingħata x-xogħol li jfassal abbozz riformat ta’ dak li hu l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista.

Louis Galea, li għal snin twal serva fil-Partit Nazzjonalista u fil-Parlament, spjega kif Partit huwa qisu dar li fi ħdanu għandu l-organi uffiċjali, u li l-Istatut huwa struttura li fuqu l-Partit irid jibni. l-ispazji tiegħu magħmula mid-diversi persuni fi rwoli differenti.

“L-ISTATUT HUWA PJANTA TA’ DAWN L-ISPAZJI LI MINN ŻMIEN GĦAL ŻMIEN  IKOLLHOM ĦTIEĠA LI JIĠU AĠĠORNATI

L-istatut il-ġdid huwa frott ta’ sena intensiva ta’ xogħol, u Louis Galea qal li issa nżergħet din iż-żerriegħa, il-Partit Nazzjonalista irid jikkuraha.

JEKK NATURALMENT DIN ŻRAJNIHA U NINSEWHA DIN SE TMUT IMMA JEKK NIKKURAWHA JIEN FIDUĊJUŻ LI DAN SE JTINA FROTT TAJJEB U SE NKUNU NISTGĦU NOFFRU GVERN ALTERNATTIV

Louis Galea spjega li se titwaqqaf Kummisjoni li jkollha x-xogħol li tidentifika l-kandidati tal-Partit għal rwoli differenti.

“DIN IL-KUMMISSJONI TRID TGĦINEK, TRID TKABBREK, TRID TIMBUTTAK, TRID  TĦARRĠEK

Il-Partit Nazzjonalista se jwaqqaf ukoll Kummisjoni oħra ta’ dixxipplina fuq l-Etika li ssus fuq l-imġieba tal-uffiċjali tal-Partit u li jkollha l-jedd tieħu passi ta’ dixxipplina. Din il-Kummissjoni se żżomM  għajnejha wkoll fuq dak li jitpoġġa minn rappreżentanti tal-Partit fuq il-media soċjali.

Kruċjali wkoll se tkun il-bidla fir-rwoli ta’ dawk fit-tmexxija tal-Partit. Louis Galea spjega kif il-Kap tal-Partit Adrian Delia kien insista dwar il-ħtieġa li l-uffiċjali fil-Partit ikollhom karigi ffukati u għalhekk hemm il-bżonn ta’ uffiċjal li jkollu l-kariga li jara li d-deċiżjonijiet tal-Partit ikollhom bażi ta’ riċerka li tkun xjentifika, ppruvata, u kreattiva.

Louis Galea fakkar kif il-Partit dejjem fittex id-djalogu, u llum aktar minn qatt qabel se jkompli dan billi jdur fuq kull min irid jitkellem miegħu u jilqgħu b’bibien miftuħa. Dan, kompla Galea, se jsir ukoll permezz ta’ outreach sabiex min qed isibha bi tqila jersaq hu lejn il-Partit, ikun il-Partit inniffsu li jmur għandu u jisimgħu.

Dwar il-motto tal-Partit, Louis Galea qal li dan għadu Religio et Patria, kif baqgħet mhux mibdula anke l-arma tal-Partit.

Waqt din l-intervista, Louis Galea spjega l-frażi li uża ftit tal-jiem qabel b’referenza għall-korruzzjoni li ħakem lill-Partit Laburista.  Filwaqt li hu skuża ruħu ma’ min ħassu ġenwinament offiż bil-frażi kankru tal-korruzzjoni, hu sġjega li din kienet metafora li tintuża u fost l-oħrajn kwota lill-Papa li ftit ilu rrefera għall-korruzzjoni bħala ‘l-kankru tas-soċjetà’.

Intant, Louis Galea spjega wkoll kif saru anke diskussjonijiet miftuħa u kostruttivi dwar l-isem tal-Partit, u li kien maqbul li dan jibqa’ Partit Nazzjonalista.