Coronavirus Lokali Saħħa

6 każijiet ġodda; tnejn ifiqu

Tiżdied ir-rata ta' trażmissjoni tal-virus

Sa issa fil-15-il ġimgħa ta’ din l-emerġenza medika nstabu 17-il każ ġdid ta’ Coronavirus, hekk kif sa nofsinhar tal-Erbgħa nstabu 6 każijiet ġodda ta’ din l-imxija f’pajjiżna. Il-każijiet attivi issa telgħu għal 43.

Dawn iċ-ċifri tħabbru fuq il-paġna tal-media soċjali tal-Ministeru tas-Saħħa

Fl-aħħar sigħat saru anqas minn elf swab test, u rkupraw żewġ pazjenti, biex issa t-total ta’ dawk li rkupraw huwa ta’ 610, filwaqt li każijiet f’pajjiżna telgħu għal 662.

L-aħħar darba li l-awtoritajiet rrapurtaw li ma kellna l-ebda każ ġdid kien 14-il jum ilu.

Wieħed mill-każijiet li tħabbru fl-aħħar sigħat huwa parti minn cluster ta’ 19-il persuna, għalkemm dwar dan il-każ ma nafux jekk kellux is-sintomi jew le.  Il-ħames każijiet l-oħra ma jafux minn fejn laqqtu l-virus, b’erba’ minn dawn il-ħamsa kellhom is-sintomi.

Sadanitant, il-midja tal-Partit Laburista qed tibqa’ ma tħabbarx l-aħħar ċifri tal-Coronavirus.

Preżentament pajjiżna għadu f’emerġenza tas-saħħa pubblika; emerġenza li se tibqa’ fis-seħħ sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.