Għawdex Lokali Saħħa

Appoġġ lill-infermieri Għawdxin li jaħdmu Malta

Il-Partit Nazzjonalista jappoġġja t-talba tal-infermieri Għawdxin li jaħdmu Malta u l-MUMN li tirrapreżentahom biex postijiet vakanti fl-isptar ġenerali ta’ Ghawdex jiġu mimlija minnhom u mhux minn infermieri oħra.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex u r-Riforma Kostituzzjonali Chris Said qal li sal-lum kull vakanza fl-isptar ta’ Għawdex kienet tiġi mimlija minn ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta billi jintbagħtu Għawdex dawk l-aktar li jkun ilhom jaħdmu Malta.

Issa Steward Health Care farrku anke dan u magħha farrku t-tama tal-infermieri Għawdxin li xi darba jmorru jaħdmu qrib il-familji tagħhom f’Għawdex. Dan hu frott id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li jipprivatizza l-uniku sptar li għandna f’Għawdex.

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li l-Gvern jintervjeni biex immedjatament il-postijiet vakanti f’Għawdex jimtlew minn infermieri Għawdxin u l-ħaddiema l-oħra jekk hemm bżonn jiġu ngaġġati fi sptarijiet f’Malta.  Għal darb’oħra jappella biex dan il-kuntratt jitwaqqaf.

Il-Partit Nazzjonalista mhux se jieqaf jaħdem biex l-uniku sptar f’Għawdex jerġa’ jsir sptar tal-Għawdxin.