Qabel daħal f’Kastilja kmieni dalgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela qal illi Chris Cardona bagħat l-ittra tar-riżenja minn Deputy Leader. Mhux hekk biss, imma diġa’ bdiet il-ġlieda interna għal min se jkun qed joħodlu postu.
Sakemm qed nippubblikaw dan l-artiklu, għad ma kien hemm ebda konferma uffiċjali minn naħa ta’ Chris Cardona.
AKTAR KMIENI
S’issa d-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona jidher li jrid ikompli jisfida lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela billi ma jippreżentax ir-riżenja tiegħu mit-tmexxija tal-Partit.
Dalgħodu Net News sab lil Chris Cardona fl-inħawi tal-Luxol fejn kien qed jattendi funzjoni privata. Mistoqsi għaliex għadu ma rriżenjax, Cardona wieġeb biss li ma kellux kummenti x’jgħaddi.
Meta mistoqsi jekk hux vera li kellmu Robert Abela, Cardona ma weġibx.
Dan is-sit kien ilu mill-bieraħ jipprova jikkuntatja lid-Deputy Leader Laburista.
Meta lbieraħ kien mistoqsi minn The Malta Independent qabel daħal fil-Parlament, il-Prim Ministru nnifsu kkonferma li s’issa, Chris Cardona għadu ma ppreżentax l-ittra ta’ riżenja.