Lokali

DB Group jiċħdu l-allegazzjonijiet tal-NGOs

DB Group qed jiċħdu kategorikament l-allegazzjonijiet magħmula minn numru ta’ NGOs fi stqarrija ppublikata aktar kmieni din il-ġimgħa fejn qed jopponu l-verżjoni riveduta tal-proposta tal-proġett f’San Ġiljan.

Fi stqarrija l-Grupp sostna li mhux vera li parti mill-barracks tal-Ingliżi bdew jitwaqqgħu mingħajr superviżjoni meħtieġa qabel max-xogħolijiet twaqqfu mis-Suprintendent tal-Cultural Heritage. Ġie spjegat li x-xogħolijiet ma ġewx mwaqqfa vis-à-vis dawn il-barracks iżda b’rabta ma’ investigazzjoni ġeoteknika.

DB Group insistew li l-NGOs huma żbaljati meta jisħqu li dan il-proġett ser ikollu effett ħażin fuq ir-residenti tal-madwar. Spjegaw li dan il-proġett ser iżid id-dell fil-lokalità ta’ Pembroke b’madwar 90 minuta fil-ġimgħa tul ix-xahar ta’ Diċembru u f’Ġunju ser jiżdied b’nofs siegħa kuljum.

Dan filwaqt li ċaħdu l-allegazzjoni li dan il-proġett ser jipperikola l-integrità tal-viżwal tal-Barracks ta’ San Ġorġ. Dan l-għaliex skont il-grupp din diġà kienet kompromessa bil-binja tal-ITS. Dan filwaqt li ċaħdu wkoll li t-talba għal pool propost ġiet irrifjutata.

Il-grupp sostna li l-bunker ta’ żmien il-Gwerra Bierda mhux ser ikun qed jintmess, anzi ser ikun aċċessibli wkoll għall-pubbliku. Dan filwaqt li saħqu li dan il-proġett mhux ser ikun theddida għall-għar li hemm f’Ħarq Ħamiem.

Ġie spjegat ukoll li l-mina proposta għal dan il-proġett ser tkun tista’ tintuża kemm mir-residenti kif ukoll mill-ħaddiema u l-viżitaturi tal-madwar.

Huma saħqu li l-proposti kollha preżentati mill-grupp ser ikunu investigati u eżaminati minn diversi entitajiet u regolaturi u għaldaqstant mistenni jsir titjib fl-istudji mwettqa oriġinarjament.