Għawdex Knisja Lokali

Dun Anton Teuma konfermat bħala l-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex

Mat-tokki ta’ nofsinhar, fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, in-Nunzju Appolostiku Monsinjur Alessandro D’Errico ħabbar li l-Isqof il-ġdid tal-gżira Għawdxija se jkun Dun Anton Teuma.

Il-Papa Franġisku fuq parir tal-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech, laqa’ din it-talba biex b’hekk Dun Anton Teuma se jkun is-suċessur tal-Isqof Mario Grech.

Dun Anton Teuma se jkun qiegħed jieħu f’idejh it-tmexxija tad-Djoċesi Għawdxija wara li f’Ottubru tas-sena li għaddiet l-Isqof Mario Grech ingħata inkarigu importanti fil-Vatikan.

F’ċerimonja simbolika, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech ta salib li Dun Anton Teuma bħala sinjal li qed jgħaddilu s-suċċessjoni, salib li kien irċevih mill-Isqof Nikol Cauchi.

F’kelmtejn tal-okkażjoni l-Isqof Mario Grech awgura lil Dun Anton Teuma sabiex taħt il-ħarsien tal-Madonna, imexxi l-knisja Għawdxija.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, Dun Anton Teuma qal li dawn l-emozzjonijiet kollha ftakar dwar kemm il-darba irrikorra lejn Marija għall-għajnuna. U fakkar fil-ferħ li ħass dakinhar tal-ordinazzjoni tiegħu. Talab ukoll l-għajnuna tal-komunità Għawdxija sabiex jimxu miegħu f’dan il-vjaġġ. Anton Teuma rringrazzja lill-Isqof Mario Grech għall-ħidma tiegħu tul dawn l-aħħar snin bħala Isqof tal-gżira Għawdxija.

Intant, fi stqarrija maħruġa mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u mill-Kelliema għal Għawdex Chri Said, il-PN awguraw lil Mons. Anton Teuma għall-ħatra l-ġdida tiegħu u għal ħidma kbira f’Għawdex u fil-gżejjer Maltin, fejn qed iwegħduh kollaborazzjoni massima biex ikun jista’ jwettaq il-missjoni fdata lilu.

Il-Partit Nazzjonalsita rringrazzja lill-Mons. Mario Grech li serva bħala ragħaj tad-Djocesi ta’ Għawdex għal dawn l-aħħar erbatax-il sena u awguralu ħidma sfieqa fil-ħatra tant importanti li ngħata mill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fil-Vatikan.