Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs wara straġi tat-traffiku f’Ħal Luqa

Wayne Delia ta’ 34 sena minn Ħaż-Żabbar ġie kkundannat erba’ snin ħabs mill-Maġsitrat Audrey Demicoli wara li nstab ħati li erba’ snin ilu wettaq straġi meta permezz ta’ vann misruq beda jsuq bl-addoċċ u joħloq paniku fejn spiċċa wkoll biex ħabat ma’ karozza oħra.

Huwa kien ta’ periklu għal ħaddieħor bil-Qorti tqis ukoll fis-sentenza tagħha l-kondotta kkulurita tiegħu u li sar reċediv. Kien it-2 ta’ Ġunju tal-2016 li daħlet telefonata l-control room fejn pulizija pajżan irrapporta li kien lemaħ f’ Ħal Luqa vann Ford Transit li kien irrapurtat misruq.

Ix-xufier tal-vann induna li kien qiegħed jiġi segwit minn żewġ Pulizija u pprova jisgiċċa billi beda jsuq fin-nofs tat-triq u jaqbeż il-karozzi. Il-vann inqabad fit-traffiku u wieħed mill-Pulizija mar mat-tieqa tax-xufier li kien liebes ġakketta ‘florescent’ u għarfu bhala l-imputat Wayne Delia.

Dan is-sewwieq kompla jsuq il-vettura sakemm il-Pulizija tilfuh. Sussegwentement il-vann instab maħbut ma’ vettura Kia Picanto fi Triq San Pawl kantuniera ma’ Triq Monsinjur G Debono, Ħal Luqa.

Surġent tal-Pulizija ra l-vann għaddej minn Triq il-Ġdida qabel ma seħħet il-ħabta liema triq hija triq hija one way. Fl-akkwata fejn seħħ l-inċident, l-imputat waqqaf liż-żewġ Pulizija li ttanta jiżvijahom.

Kif il-Pulizija kienu se jinżlu mill-vetturi tagħhom l-imputat kien se jaħrab iżda laħaq ġie arrestat. Minn tfittxija li saret fuqu dak il-ħin instabu par ingwanti. Pulizija kien arresta l-passiġġier ċertu Nicholas Kremoss u li kien liebes flokk griż u gakketta fluorescent.

Il-Pulizija li xehed qal li meta mar ħdejn it-tieqa tax-xufier għaraf lill-imputat li dak il-ħin ma kienx liebes ingwanti u jdejh kienu waħda fuq l-isteering u l-ohra fuq il-gear lever.

Fil-Qorti xehdet Alison Harmsworth li hija s-sid tal-vettura Kia Picanto li spjegat li fit-2 ta’ Gunju 2016 kienet involuta fil-ħabta mal-vann Ford Transit. Meta seħħ l-inċident rat żewġt irġiel, wieħed minnhom l-imputat, neżlin minn ġol-vann u jipproċedu għal sqaq viċin. Ix-xhud qalet li dakinhar l-imputat kien liebes t-shirt, shorts u ħwejjeġ florexxenti.

Huwa nstab ħati li saq vettura minghajr liċenzja tas-sewqan u li saqha b’ nuqqas ta’ kont, bi traskuraġni jew b’mod perikoluż u li ħalla persuna oħra tuża vettura fit-toroq bla polza ta’ assikurazzjoni u li kkommetta delitt ta’ natura volontarja, punibbli bi priġunerija waqt perjodu operattiv ta’ Probation moghtija lilu.

Huwa ma nstabx ħati li Fl-24 ta’ Mejju 2016 jew wara, seraq vannTransit għad-dannu ta’ George Montanaro, li kkommetta delitt ta’ natura volontarja, punibbli bi priġunerija waqt perjodu operattiv ta’ probation mogħtija lilu u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja mposti fuqu mill-Qorti tal-Magistrati.

Fuq is-serqa tal-vann u xi għodod il-Qorti qalet li stills tas-CCTV footage meħud minn cameras installati f’residenza li tinsab viċin tal-kumpless ta’ garaxxijiet f’Birkirkara minn fejn insteraq il-vann fejn jidhru żewġ individwi deħlin fil-kumpless ta’ garaxxijiet u sussegwentement il-vann Ford Transit irrapurtat misruq ħiereħ mill-post.

Kemm l-Ispettur Roderick Spiteri kif ukoll is-Surġent Antoine Zammit ikkonfermaw li l-persuni li jidhru fil-vettura ma jintgħarfux. Il-Qorti fliet bir-reqqa r-ritratti esebiti u tqis li ma ġiex pruvat sal-grad rikjest mill-liġi li l-imputat kien wiehed mill-individwi li jidher ħiereġ bil-vann fil-ġurnata u ħin li dan insteraq.

Apparti l-fatt li mill-filmat wieħed ma jistax jidentifika l-persuni, l-provi konsistenti fil-lifters elevati mill-bagoll tal-vettura li kienet tinsab fil-garaxx u minn bieba taħt il-bank tal-għodda ma qablux mal-impronti tal-imputat. L-Ispetturi Roderick Spiteri u Saviour Baldacchino mexxew il-Prosekuzzjoni