Futbol Sport

Iċċelebrata l-ħajja ta’ Paul Falzon – simbolu tal-klabb ta’ St. Andrews

(Ritratt: Jo Aquatic)

Dalgħodu ġiet iċċelebrata l-ħajja ta’ Paul Falzon, li miet il-Ġimgħa li għadda fl-età ta’ 73 sena. F’quddiesa fil-Luxol Stadium, attendew mijiet ta’ persuni biex isellmu l-memorja ta’ persuna li kien strumentali fl-istorja tal-klabb ta’ St. Andrews.

Fl-omelija, Fr. Hilary Tagliaferro tkellem dwar il-kwalitajiet sbieħ ta’ Paul Falzon, iddeskriva l-Luxol Stadium bħala monument ħaj tal-ħidma tiegħu u anki qal li l-istadium għandu jkun imsemmi għalih. L-Eks President tal-MFA Norman Darmanin Demajo, meqjus l-akbar ħabib ta’ Falzon, qal li għalih il-ħajja kienet sabiħa u kien jgħixa kuljum ibbażata fuq l-umoriżmu u l-imħabba li kellu.

Pippo Psaila, Direttur tal-Isport ta’ St. Andrews, qal li kien proprju Paul Falzon li fl-1976 kien offrielu l-ewwel inkarigu ta’ kowċ. Hu sejjaħ lil Falzon bħala bniedem viżjonarju, ta’ qalb tajba u kien iħoss għal min kien ikun fil-bżonn. Paul Falzon kien Membru tal-Kunsill u l-Eżekuttiv tal-MFA għal diversi snin. Hu kien ukoll gowlkiper prominenti fis-snin 60 u 70 fil-waterpolo speċjalment ma’ Valletta United u t-tim nazzjonali.