Futbol Sport

Iċ-Champions League u l-Europa League se jispiċċaw f’Awwissu

(Ritratt: EPA)

Il-UEFA Champions League u l-UEFA Europa League ta’ dan l-istaġun se jispiċċaw f’Awwissu b’tournaments għall-aħħar tmien timijiet f’Lisbona fil-Portugall u fi bliet madwar il-Ġermanja.

Iċ-Champions Legue se tkompli fis-7 u t-8 ta’ Awwissu bl-erba’ logħbiet li fadal mit-tieni leg tal-logħbiet mill-aħħar 16. Il-kwarti tal-finali jintlagħbu bejn it-12 u l-15 ta’ Awwissu, is-semifinali jintlagħbu fit-18 u d-19 ta’ Awwissu, bil-finali hi skedata għat-23 ta’ Awwissu fil-kapitali Portugiża Lisbona. Il-finali oriġinarjament kellha tintlagħab f’Istanbul.

L-Europa League se tkompli fil-5 u s-6 ta’ Awwissu bil-partiti mill-aħħar 16. Il-kwarti tal-finali jintlagħbu fl-10 u l-11 ta’ Awwissu, is-semifinali huma skedati għas-16 u s-17 ta’ Awwissu u l-finali mistennija tintlagħab fil-21 ta’ Awwissu. Il-finali kienet skedata li tintlagħab f’Gdansk fil-Polonja iżda issa se tintlagħab fil-Ġermanja.

Iċ-Champions League tan-nisa se jkun b’tournament forma ta’ knock-out bejn il-21 u t-30 ta’ Awwissu. Il-UEFA kkonfermat ukoll li 12-il belt li kienu se jospitaw il-logħob tal-Euro 2020, reġgħu ġew ikkonfermati.