Il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed l-għajnuna u s-sapport kollu tiegħu lill-Kunsilli Lokali. Dan għaliex il-Kunsilli għandhom sfidi kbar, u għalhekk qed tikber il-ħtieġa li dawn ikomplu jissaħħu.
L-Erbgħa filgħodu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-tisħieħ tal-Gvern lokali u l-lokalitajiet Karl Gouder għamel żjara fir-rahal ta’ Ħal Lija, bħala parti minn inizjattiva fejn il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iżur diversi lokalitajiet biex ikun iktar viċin il-kunsilli lokali u jisma l-problemi u t-tħassib tagħhom ….filwaqt li jsegwi d-diversi proġetti li jkunu qed isiru.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ din il-lokalità, Anthony Dalli, filwaqt li faħħar din l-inizjattiva tal-Partit Nazzjonalista, saħaq fuq l-importanza li l-kunsillieri jkunu dejjem viċin ir-residenti.
Il-ħidma tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija ma taqta’ xejn hekk kif fost l-oħrajn saru diversi proġetti li jinkludu manutenzjoni u tisbiħ fi ġnien rikreattiv, sistema ta’ dwal fit-toroq, manutenzjoni f’għadd ta’ toroq kif ukoll ħidma kontinwa biex tinżamm l-indafa f’din il-lokalità.
//= $special ?>