Futbol Sport

Is-sapport tal-partitarji kienet ir-raġuni prinċipali għaliex aċċettajt li nerġa’ nsir kowċ tal-Belt – Jesmond Zerafa

Tmien snin wara li mexxiehom għar-rebħ tal-kampjonat, Jesmond Zerafa se jirritorna bħala kowċ ta’ Valletta wara li laħaq ftehim mal-klabb fuq kuntratt ta’ sentejn. Hu se jieħu post Giovanni Tedesco li s-Sibt li għadda rriżenja mill-kariga minħabba nuqqas ta’ ftehim dwar il-physical trainer, jiem biss wara li kien iffirma kuntratt ta’ sena.

Wara li anki lagħab mal-Beltin fil-karriera tiegħu ta’ plejer, Zerafa kien inħatar kowċ ta’ Valletta fl-istaġun 2010/11 wara li kienu spiċċaw fit-tieni post fl-istaġun ta’ qabel taħt it-tmexxija ta’ Ton Caanen. Flimkien ma’ Nardu Farrugia, Zerafa mexxa lil Valletta għal żewġ kampjonati konsekuttivi flimkien ma’ żewġ suċċessi fis-Super Cup.

“Ma kinitx deċiżjoni faċli għalija imma s-sapport tal-partitarji ta’ Valletta kienet ir-raġuni prinċipali għaliex aċċettajt li nerġa’ nsir kowċ tal-Belt,” qal Zerafa f’kummenti lil netnews.com.mt

Zerafa ma kellux il-kuntratt imġedded fi tmiem l-istaġun 2011/12 u minn dakinhar kellu esperjenzi qosra ma’ Qormi, Balzan, Naxxar Lions, Tarxien Rainbows u Gżira United fejn ħafna drabi daħal bl-għan li joħroġ lit-timijiet minn sitwazzjonijiet diffiċli.