Lokali Qorti

Jitressaq wieħed mit-tliet irġiel wara sejba ta’ droga fil-Għargħur

Wieħed mit-tliet irġiel li ġew arrestati mill-Pulizija, t-Tnejn li għadda wara sejba ta’ droga u €45,000 fi flus kontanti fil-Għargħur tressaq il-Qorti u ġie mixli b’akkużi relatati mad-droga u ħasil ta’ flus.

Sharlon Bugeja ta’ 28 sena ġie mixli quddiem il-Maġistrat George Victor Axiak li fil-15 ta’ Ġunju li għadda u qabel kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina f’ċirkostanzi li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Bugeja, residenti l-Għargħur ġie mixli b’ħasil ta’ flus billi fost oħrajn irrikorra jew itrasferixxa propjetà li ġejja minn attività kriminali. Kien mixli wkoll mill-Ispetturi Kevin Pulis u Lianee Bartolo li meta kien jaf li din il-propjetà kienet ġejja minn din l-attività ħeba kollox, u li uża l-propjetà għal skopijiet kriminali.

Il-Prosekuzzzjoni talbet lill-Qorti biex jiġu ffriżati l- kollha ta’ Bugeja, liema talba ġiet milqugħa. Għall-akkużat deheru l-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Marion Camilleri fejn dawn għamlu talba għal libertà proviżorja li ġiet milqugħa mill-Qorti fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali fl-istess ammont.

It-Tnejn li għadda wara nofsinhar, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga arrestat tliet irġiel lil Bugeja, u tnejn oħra ta’ 31 u 53 sena f’operazzjoni fil-Għargħur.

Wara ġranet ta’ sorveljanza, il-Pulizija wettqu r-rejd f’razzett fil-Għargħur, u minn tfittxija li saret, il-Pulizija sabet sustanza suspettata droga kokaina kif ukoll madwar €45,000 fi flus kontanti. L-irġiel ġew arrestati fuq il-post u ttieħdu il-lock-up tal-Pulizija fil-Floriana għal aktar stħarriġ L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.