Internazzjonali

Korea t’Isfel: Ministru joffri r-riżenja fost il-kriżi mal-ġar komunista

Il-Ministru tal-Korea t’Isfel responsabbli mill-isforzi lejn ir-reunifikazzjoni Koreana offra li jirriżenja, fost l-ispinta tat-tensjoni allarmanti mal-Korea ta’ Fuq komunista. Dan  wara li l-Koreani komunisti  splodew l-uffiċċju qrib il-fruntiera li kien jintuża għall-kuntatti inter-Koreani kif ukoll għall-inizjattivi biex itejjbu r-relazzjonijiet bejn il-ġirien tal-peniżola.

Intant, il-Ministru Kim Yeon-chul qal li ‘qed jassumi responsabbiltà għall-kriżi fir-relazzjonijiet bejn il-Korej li rrankat sew fl-aħħar ġranet’.

Fl-istess ħin, l-Armata tal-Korea ta’ Fuq qed taħseb biex tibgħat it-truppi lejn zoni speċifiċi mal-fruntiera ‘fejn mhemmx l-armamenti stazzjonati’. Ir-reġim fi Pyongyang spjega li l-qerda tal-uffiċċju, fl-inħawi ta’ Kaesong, seħħet, f’parti, għaliex il-Korea t’Isfel ‘kisret ftehim li kienet daħlet għalih fl-2018’.

Ma naqsitx ir-retorika insolenti minn Pyongyang, bi stqarrija tirreferi għall-Korea t’Isfel bħala ‘kelb mitluq barra li jinbaħ il-ħin kollu’. Intant,  Kim Yo-jong, oħt il-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, li assumiet ir-rwol ta’ protagonista fir-reġim ta’ Pyongyang, akkużat lill-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, bħala ‘lagħqi tal-Istati Uniti’.

Il-Korea t’Isfel qed tgħid li għadha disposta għal djalogu mal-Korea ta’ Fuq iżda kkundannat l-aħħar ‘provokazzjonijiet’ minn Pyongyang bħala ‘aġir bla sens li qed jipperikola l-futur tal-peniżola’.

It-tensjoni bejn il-Korej ilha tirranka għal ġimgħat meta r-reġim fi Pyongyang jinsab urtat dwar ‘il-gwerra ta’ propaganda’ min-naħa ta’ persuni li ħarbu mill-Korea ta’ Fuq għal ħajja ġdida fil-Korea t’Isfel.

Issa, il-Korea ta’ Fuq trid tmexxi lill-militar lejn żewġ zoni li huma simboli ‘tal-kooperazzjoni antika’ bejn l-Istati ġirien  — f’dan il-każ, il-kumpless industrijali ta’ Kaesong (illum magħluq) u z-zona turistika qalb il-muntanji ta’ Kumgang.

Sadanittant, il-Korea t’isfel qed tittama li jkun onorat xorta ftehim mal-ġar li ntlaħaq fl-2018 bil-għan li ma jsirux konfronti militari ‘aċċidentali’ fil-Peniżola Koreana. Madankollu, il-Gvern f’Seoul insista li mhux se jaċċetta aktar ‘l-atteġġjament bla raġuni tal-Korea komunista fil-konfront tiegħu’.