Futbol Sport

L-għoti tal-penalties irebbħu l-Coppa Italia lil Napoli għas-sitt darba

(Ritratt: EPA)

Il-penalties kellhom jiddeċiedu l-finali tal-Coppa Italia, b’Napoli jirbħu l-kompetizzjoni għas-sitt darba. Dan kien l-ewwel suċċess għalihom mill-2014 u reġgħu għelbu lil Juventus wara d-dwell ta’ bejniethom fl-2012. Dan kien l-ewwel unur għal Gennaro Gattuso bħala kowċ.

Napoli laqtu l-lasta fl-24 minuta bi free-kick ta’ Lorenzo Insigne li laqat il-wieqfa. Kwarta wara, Juventus kellhom okkażjjoni tajba iżda Alex Meret interċetta l-passaġġ ta’ Paulo Dybala li kien indirizzat lejn Cristiano Ronaldo. Żewġ minuti wara, Napoli qrib il-gowl tal-vantaġġ b’azzjoni persistenti li minnha x-xutt ta’ Diego Demme ġie mdawwar f’korner minn Gianluigi Buffon. Mill-istess korner, Buffon reġa’ kien attent biex salva tajjeb, xutt ta’ Insigne.

Il-logħba baqgħet iddominata mit-tattika, b’Leonardo Bonucci jipprova għal Juventus f’nofs it-tieni taqsima, b’xutt b’saħħtu li iżda kien ċentrali u ġie salvat minn Meret. Ċans tad-deheb għal Napoli fit-72 minuta b’xutt ta’ Arkadiusz Milik jgħaddi għoli minn qagħda ideali. Buffon reġa’ salva lil Juventus fit-92 minuta meta l-ewwel salva daqqa ta’ ras ta’ Nikola Maksimovic u mir-rebound, reġa’ salva bl-għajnuna tal-wieqfa x-xutt mill-viċin ta’ Eljif Elmas.

B’hekk il-logħba kellha tiġi deċiża bl-għoti tal-penalties. Paulo Dybala kellu l-penalty salvat minn Alex Meret u Lorenzo Insigne għeleb lil Buffon. Danilo spara l-ballun għoli u Matteo Politano rdoppja l-vantaġġ. Leonardo Bonucci skorja għal Juventus daqstant ieħor Nikola Maksimovic għal Napoli. Aaron Ramsey ħalla lil Juventus jittamaw iżda Arkadiusz Milik skorja l-gowl tar-rebħa.