Futbol Sport

L-impenji tat-timijiet Maltin fl-Ewropa se jkunu fuq logħba waħda minflok fuq żewġ logħbiet

(Ritratt: EPA)

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA ddeċieda dwar it-tmiem u l-bidu tal-edizzjonijiet tal-UEFA Champions League u l-UEFA Europa League. Differenza mis-snin preċedenti hi li minflok fuq żewġ logħbiet, dawn il-konfronti se jintlagħbu fuq logħba waħda biex jiġi evitat problemi ma’ impenji tat-timijiet nazzjonali u l-kampjonati tal-pajjiżi.

Floriana se jilagħbu fil-UEFA Champions League filwaqt li Valletta, Hibernians u Sirens se jipparteċipaw fil-UEFA Europa League. Il-konfront tal-ewwel rawnd taċ-Champions League jintlagħab fit-18 jew 19 ta’ Awwissu filwaqt li l-ewwel rawnd tal-Europa League jintlagħab fis-27 ta’ Awwissu jiġifieri ġimgħa qabel l-impenji tat-tim nazzjonali. Birkirkara se jkunu impenjati fil-UEFA Champions League tan-nisa f’mini-tournament bejn is-7 u t-13 ta’ Ottubru.

Devis Mangia se jagħmel id-debutt fit-3 ta’ Settembru

It-tim nazzjonali Malti se jirritorna għal-logħob kompetittiv f’Settembru li ġej bl-impenji tal-UEFA Nations League. Malta tilgħab il-Ħamis 3 ta’ Settembru kontra l-Gżejjer Faroe qabel il-konfront tal-Ħadd 6 ta’ Settembru f’Ta’ Qali kontra l-Latvja. F’Ottubru t-tim Malti se jilgħab partita ta’ ħbiberija u żewġ logħbiet tal-UEFA Nations League bejn is-7 u l-14 ta’ Ottubru filwaqt li t-tliet impenji tat-tim nazzjonali f’Novembru jkunu bejn il-11 u t-18 ta’ Novembru. It-tim nazzjonali tan-nisa jilgħab f’pajjiżna kontra d-Danimarka fit-22 ta’ Settembru, kontra Georgia fis-26 ta’ Novembru u kontra l-Iżrael fl-1 ta’ Diċembru.